17.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/9
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Braunschweig (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Diċembru 2011 — Bußgeldsache vs International Jet Management GmbH
(Kawża C-628/11)
2012/C 80/11
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgericht Braunschweig
Partijiet fil-kawża prinċipali
International Jet Management GmbH
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 18 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 12 KE) japplika fejn Stat Membru (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) jeħtieġ mingħand kumpannija tal-ajru, li jkollha liċenzja valida maħruġa fi Stat Membru ieħor (ir-Repubblika tal-Awstrija) kif iddefinit fl-Artikoli 3 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, li tikseb permess sabiex tuża l-ispazju tal-ajru għal titjiriet privati (titjiriet kummerċjali mhux skedati) b’destinazzjoni fit-territorju tiegħu minn pajjiżi terzi?
(2)
Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, huwa fih innifsu inkompatibbli mal-Artikolu 18 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 12 KE) li jkun meħtieġ permess għal dħul fl-ispazju tal-ajru meta tali permess, taħt piena ta’ multa, huwa meħtieġ għat-titjiriet minn pajjiżi terzi fil-każ ta’ kumpanniji tal-ajru li jkollhom liċenzja miksuba fi Stat Membru ieħor, iżda mhux fil-każ ta’ kumpanniji li jkollhom liċenzja miksuba fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja?
(3)
Jekk l-Artikolu 18 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 12 KE) japplika għas-sitwazzjoni msemmija (l-ewwel domanda), iżda li jkun meħtieġ permess ma huwiex fih innifsu diskriminatorju (it-tieni domanda), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’, mingħajr ma tikser l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, tissuġġetta l-għoti ta’ permess għal dħul fl-ispazju tal-ajru tagħha għal titjiriet minn pajjiżi terzi, taħt piena ta’ multa, għall-kundizzjoni li l-kumpannija tal-ajru li toriġina minn Stat Membru ieħor turi lill-awtorità li toħroġ il-permessi li l-kumpanniji li għandhom liċenzja fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma humiex f’pożizzjoni li joperaw dawn it-titjiriet (dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà)?
Full & Egal Universal Law Academy