21.4.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 118/10
Appell ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2011 minn Grand Hotel Abi d’Oru SpA kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ Settembru 2011 fil-Kawżi magħquda T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08 — Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-633/11 P)
2012/C 118/15
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Grand Hotel Abi d’Oru SpA (rappreżentanti: D. Dodaro u R. F. Masuri, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Regione autonoma della Sardegna, Selene di Alessandra Cannas Sas et
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħtija fl-20 ta’ Settembru 2011 fil-Kawżi magħquda T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08 sa fejn:
(a)
tirrespinġi l-ilment imressaq mill-appellanti dwar il-ksur tal-obbligu tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ rettifika skont l-Artikolu 254(3) KE u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/99 (1) (punti 103 sa 112 tas-sentenza);
(b)
tirrespinġi l-ilment imressaq mill-appellanti rigward in-nuqqas ta’ motivazzjoni f’dik li hi l-evalwazzjoni tal-effett tal-inċentivazzjoni għall-għajnuna kkontestata (punti 136-145 u 218-228 tas-sentenza)
minħabba komprensjoni żbaljata tal-motivi tal-appellanti mressqa fl-ewwel istanza u minħabba żball ta’ liġi, nuqqas ta’ loġika u kontradizzjoni tal-motivazzjoni;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2008/854/KE, tat-2 ta’ Lulju 2008, dwar l-iskema ta’ għajnuna “Liġi reġjonali Nru 9 tal-1998 — applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna N 272/98” C 1/04 (ex NN 158/03 u CP 15/2003) (ĠU L 302, p. 9);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tal-ispejjeż tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Is-sentenza appellata hija vvizzjata b’applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 254 KE kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 659/99 u b’nuqqas ta’ loġika u kontradizzjoni f’dik il-parti tal-motivazzjoni li tgħid li: “d-deċiżjoni ta’ rettifika kienet indirizzata esklużivament lir-Repubblika Taljana u mhux lill-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni. Konsegwentement, l-Artikolu 254(3) KE ma kienx jobbliga lill-Kummissjoni tinnotifika d-deċiżjoni ta’ rettifika lil Grand Hotel Abi d’Oru” (punt 107 tas-sentenza). Din il-motivazzjoni, skont l-appellanti, tikkuntrasta mal-punti 71 u 72 tal-istess sentenza.
Is-sentenza ma tippermettix li tiġi rrikonoxxuta l-kwalifikazzjoni funzjonali differenti tad-deċiżjoni ta’ rettifika fil-konfront tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li r-relazzjoni tagħha ma’ qafas proċedurali diġà mibdi timponi, skont l-appellanti, l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partijiet li b’mod konkret diġà kienu parti f’din il-proċedura. L-iżball magħmul mill-Qorti Ġenerali meta assimilat id-deċiżjoni ta’ rettifika mad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, wassal għal evalwazzjoni żbaljata dwar kif għandu jiġi applikat l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999.
Is-sentenza appellata hija ivvizzjata wkoll bi żnaturament tal-motivi mressqa fl-ewwel istanza; bi żball ta’ liġi, b’nuqqas ta’ loġika u b’kontradizzjoni tal-motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx, lanqas b’mod impliċitu, ir-ragunijiet tagħha għar-rifjut tal-ilment relattiv għall-iżball evidenti mwettaq mill-Kummissjoni fl-evalwazzzjoni tal-effett tal-inċentivazzjoni għall-għajnuna.
Fl-aħħar nett, kemm il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, interpretaw b’mod żbaljat l-intenzjonijiet tal-appellanti, u attribwewlha l-intenzjoni li tressaq għal fuq livell individwali deċiżjoni li għandha bħala riferiment skema ġenerali u, minħabba dan l-iżball, naqsu milli jikkunsidraw l-impatt li l-elementi miġjuba għall-attenzjoni tagħhom mill-appellanti seta’ jkollhom fuq l-evalwazzjoni tal-portata tal-iskema ta’ għajnuna b’mod ġenerali.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339
Full & Egal Universal Law Academy