25.2.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 58/4
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Diċembru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
(Kawża C-635/11)
2012/C 58/05
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Enegren u M. van Beek, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
Talbiet
—
tikkonstata li billi naqas milli jadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex l-impjegati ta’ stabbilimenti ta’ kumpannija, li tirriżulta minn merger transkonfinali u li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jkunu fi Stati Membri oħra jibbenefikaw minn drittijiet ta’ parteċipazzjoni identiċi għal dawk ta’ ħaddiema impjegati fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-tieni parti tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (1);
—
tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Mill-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2005/56/KE jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali għandha tippermetti lill-impjegati tal-istabbilimenti tal-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali li jkunu jinsabu fi Stati Membri oħra li jeżerċitaw l-istess drittijiet ta’ parteċipazzjoni fi ħdan il-kumpannija li tirriżulta mill-merger transkonfinali bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema impjegati fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-uffiċċju rreġistrat ta’ dik il-kumpannija l-ġdida.
Għaldaqstant il-leġiżlazzjoni nazzjonali maħsuba sabiex tittrasponi d-Direttiva għandha tipprovdi għas-sitwazzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 16(2) tad-direttiva.
Dan ma huwiex il-każ fil-Pajjiżi l-Baxxi.
(1) ĠU L 310, p. 1, rettifika fil-ĠU L 28, 01.02.2008, p. 40.
Full & Egal Universal Law Academy