3.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 65/5
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2011 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-27 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-199/04, Gul Ahmed vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sosntuta mill-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-638/11 P)
2012/C 65/10
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-P. Hix, aġent, G. Berrisch, avukat)
Partijiet l-oħra fil-proċedura: Gul Ahmed Textile Mills Ltd, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-199/04 sa fejn il-Qorti Ġenerali (i) annullat ir-Regolament (KE) Nru 397/2004 (1) li jimponi dazju kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan (ir-“Regolament ikkontestat”) u (ii) ikkundannat lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza];
—
tiċħad it-tielet parti tal-ħames motiv tar-rikors;
—
tirrinvija lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-appell; u
—
tirriżerva l-ispejjeż tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li t-tneħħija tad-dazji antidumping preċedenti fuq il-friex tas-sodda li joriġinaw mill-Pakistan u l-implementazzjoni ta’ skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati fil-bidu tal-2002 kienu jikkostitwixxu “fatturi oħra” fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li fil-kawża preżenti l-istituzzjonijiet wettqu ksur tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku għaliex naqsu milli jisseparaw u jagħmlu distinzjoni bejn l-allegati effetti dannużi ta’ dawn il-fatturi.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 397/2004, tat-2 ta’ Marzu 2004, li jimponi dazju kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 50, p. 26)
Full & Egal Universal Law Academy