25.2.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 58/5
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Diċembru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-641/11)
2012/C 58/06
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Rozet u L. Pignataro, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
—
tikkonstata li r-Repubblika Taljana, peress li żammet l-introduzzjoni ta’ kriterju ta’ għażla prijoritarja tal-kandidati bbażat fuq ir-residenza fil-provinċja ta’ Bolzano għal tal-inqas sentejn, kif previst fl-Artikolu 12 tad-DPR 752/1976, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (1);
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-introduzzjoni ta’ kriterju ta’ għażla prijoritarja tal-kandidati bbażat fuq ir-residenza ta’ mhux inqas minn sentejn fil-provinċja ta’ Bolzano (Trentino Alto Adige), kriterju li jmur kontra l-obbligi imposti mill-Artikolu 45 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011. Il-Kummissjoni tfakkar, fil-fatt, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 45 TFUE fil-qasam ta’ trattament ugwali jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet manifesti bbażati fuq ċittadinanza, iżda kwalunkwe diskriminazzjoni moħbija li, għalkemm fondata fuq kriterji ta’ riferiment oħra, twassal għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1996, O’Flynn, C-237/94, Ġabra p. 2617, punt 17). Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, miżura li tagħmel distinzjoni bbażata fuq ir-residenza.
Fit-tweġiba tagħhom għall-opinjoni motivata tas-6 ta’ Awwissu 2010, l-awtoritajiet Taljani ammettew li “(l)-klawżola ta’ residenza li tinsab fl-Artikolu 12 tad-DPR 752/1976 tista’ tinkludi elementi ta’ diskriminazzjoni indiretta u għalhekk tmur kontra l-Artikolu 45 TFUE” u li “(s)abiex tinstab soluzzjoni għal din il-probema, mingħajr dubju għandu jiġi emendat it-test tal-artikolu”. Madankollu, sal-lum, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda informazzjoni dwar l-emenda inkwistjoni u tqis, għaldaqstant, li l-kundizzjoni ta’ residenza prevista fl-Artikolu 12 tad-DPR 752/1976 għadha fis-seħħ.
(1) ĠU L 141, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy