18.2.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 49/19
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2011 minn Mindo Srl kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Ottubru 2011 fil-Kawża T-19/06, Mindo Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-652/11 P)
2012/C 49/32
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Mindo Srl (rappreżentanti: C. Osti, A. Prastaro, G. Mastrantonio, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ Ottubru 2011, fil-Kawża T-19/06 Mindo vs Il-Kummissjoni u, għalhekk,
—
tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali u din tal-aħħar għandha tevalwa l-imsemmija kawża fuq il-merti, peress li s-sentenza tagħha ċaħdet lil Mindo mill-dritt tagħha għal stħarriġ ġudizzjarju komplut fl-ewwel istanza,
—
tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
It-talba tal-appellanti hija bbażata fuq l-aggravji segwenti:
Il-Qorti Ġenerali ssostni li Mindo ma għandhiex interess li tkompli l-proċedura għaliex la setgħet tiegħu ebda vantaġġ per se mill-annullament tas-sentenza appellata u lanqas fir-rigward tat-talba ta’ Alliance One International Inc. (“Alliance One”) għal rimbors ta’ parti mill-multa mħallsa jew fir-rigward tal-azzjonijiet sussegwenti għad-danni ta’ terzi.
L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-imsemmija konklużjonijiet għandhom jiġu annullati, għaliex jiksru l-liġijiet applikabbli, huma bbażati fuq żnaturament tal-fatti u, fi kwalunkwe każ, huma kkaratterizzati minn motivazzjoni insuffiċjenti u minn motivazzjoni kontradittorja.
It-tieni nett, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata għaliex din iċċaħħad lil Mindo mid-drittijiet tagħha ta’ aċċess għal qorti (u għalhekk tad-drittijiet tagħha biex il-kawża tagħha tiġi kompletament mistħarrġa) jew, fil-każ li s-sentenza appellata tiġi interpretata fis-sens li Mindo u Alliance One kellhom konġuntament jippreżentaw ir-rikors fl-ewwel istanza, din tikser id-dritt ta’ difiża ta’ Mindo u ta’ Alliance One.
Full & Egal Universal Law Academy