18.2.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 49/19
Appell ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2011 minn Transcatab SpA, fi stralċ, kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Ottubru 2011 fil-Kawża T-39/06, Transcatab vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-654/11 P)
2012/C 49/33
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Transcatab SpA, fi stralċ (rappreżentanti: C. Osti, A. Prastaro u G. Mastrantonio, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-[sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla), tal-5 ta’ Ottubru 2011, fil-Kawża T-39/06 Transcatab vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza”)], sa fejn hija ddeċidiet li Standard Commercial Corp. (u għaldaqstant Alliance One) għandha titqies responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Transcatab;
—
konsegwentement tnaqqas il-multa imposta fuq Transcatab billi tannulla parzjalment l-Artikolu 2(ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4012 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) KE, Każ COMP/C.38.281/B.2 — Tabakk mhux ipproċessat — l-Italja (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”) u tiddeċiedi li l-multa għandha tiġi kkalkolata b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ ta’ Transcatab, li jikkorrispondi għas-sena finanzjarja li spiċċat f’Marzu 2005 għal EUR 32,338 miljun, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 17/62 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003;
—
konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni sa fejn din tapplika fir-rigward ta’ Transcatab il-koeffiċjent ta’ 1.25 għall-ammont bażiku tal-multa.
—
tannulla s-sentenza, sa fejn din tiċħad l-ilmenti ta’ Transcatab dwar a) in-nuqqas ta’ tnaqqis tal-multa imposta sabiex jiġi rifless in-nuqqas ta’ impatt konkret fuq is-suq, b) it-tnaqqis tal-intensità tal-ksur matul il-perijodu 1999-2002, kif ukoll c) il-fattur attenwanti ta’ “dubju raġonevoli”, applikat minflok fil-każ Spanjol analogu u, konsegwentement tnaqqas il-multa;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel nett, is-sentenza tikser l-Artikolu 296 TFUE, l-Artikoli 48 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, fi kwalunkwe każ, il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova u d-drittijiet tad-difiża ta’ Transcatab. Matul il-proċeduri fl-ewwel istanza, ġew ipprovduti argumenti u provi sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza deċiżiva fuq l-aġir ta’ Transcatab min-naħa ta’ SCC. Dawn l-argumenti u provi, sa fejn huma rilevanti jew fi kwalunkwe każ, mhux insinjifikattivi abbażi tal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, kienu jeħtieġu, minn tal-inqas, evalwazzjoni konkreta u, fil-każ ta’ ċaħda, motivazzjoni adegwata. L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali ma pprovdiet l-ebda waħda minnhom. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti tqis li s-sentenza, billi kkunsidrat ammissibbli l-użu ta’ provi ġodda fid-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, kisret il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova u, fi kwalunkwe każ, id-drittijiet tad-difiża ta’ Transcatab.
It-tieni nett, l-appellanti tqis li, billi ma laqatx l-ilmenti dwar in-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq u t-tnaqqis tal-intensità tal-ksur matul il-perijodu 1999-2002, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ żnaturament tal-fatti u, fi kwalunkwe każ, kisret il-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-interpretazzjoni tal-atti amministrattivi tal-istituzzjonijiet Ewropej, l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova, id-dritt tad-difiża ta’ Transcatab u r-regola non ultra petita.
It-tielet nett, skont l-appellanti s-sentenza hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, u bin-nuqqas li tingħata motivazzjoni jew b’motivazzjoni li hija illoġika, sa fejn il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilment imressaq minn Transcata dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-fattur attenwanti tal-eżistenza ta’ “dubju raġonevoli”, li kien madankollu ġie applikat fil-każ Spanjol analogu.
Full & Egal Universal Law Academy