25.2.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 58/6
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2011 — Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-658/11)
2012/C 58/08
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: R. Passos, A. Caiola u M. Allik, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tal-parti rikorrent
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jgħoġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/640/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2011, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kondizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment (1);
—
tordna li l-effetti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/640/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2011, għandhom jinżammu sakemm ma tiġi ssostitwita;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/640/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2011, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kondizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment hija invalida għaliex ma tirrelatax esklużivament mal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, kif ipprovdut espressament fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE.
Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju jirrigwarda wkoll kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja kriminali, kooperazzjoni tal-pulizija, u kooperazzjoni ta’ żvilupp, li jkopru l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
Għalhekk, dan il-Ftehim kellu jiġi konkluż wara l-ksib tal-kunsens tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE.
Għal din ir-raġuni l-Kunsill kiser it-Trattati billi naqas li jagħżel il-bażi legali xierqa għall-konklużjoni tal-Ftehim.
Barra dan, il-Parlament Ewropew ikkunsidra li l-Kunsill kiser l-Artikolu 218(10) TFUE, għaliex ma informax il-Parlament Ewropew kompletament u immedjatament fl-istadji tan-negozjar u tal-konklużjoni tal-Ftehim.
Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament Ewropew madankollu jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita d-diskrezzjoni tagħha biex iżżomm l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, sa dak iż-żmien li tiġi ssostitwita.
(1) ĠU L 254, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy