10.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 73/18
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru
(Kawża C-662/11)
2012/C 73/33
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Montaguti u G. Zavvos)
Konvenuta: Ir-Repubblika ta’ Ċipru
Talbiet tar-rikorrenti
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiddikjara li billi ma adottatx, sal-1 ta’ Mejju 2009, u fi kwalunkwe każ, billi ma nnotifikatx lill-Kummissjoni, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 flimkien ma’ dawk tal-Anness VII tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru, dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali marbuta mal-akkwist ta’ residenza sekondarja minn ċittadini tal-UE/taż-ŻEE, ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dan l-att;
—
tikkundanna lir-Repubblika ta’ Ċipru għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 flimkien ma’ dawk tal-Anness VII tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru, l-awtoritajiet ta’ din tal-aħħar kellhom jimplementaw, sal-1 ta’ Mejju 2009, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ineħħu r-restrizzjonijiet ipprovduti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali relatati mal-akkwist ta’ residenza sekondarja minn ċittadini tal-UE/taż-ŻEE. Dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu ksur dirett tal-moviment liberu tal-kapital, kif ipprovdut fl-Artikolu 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Ir-Repubblika ta’ Ċipru bagħtet abbozz ta’ liġi li jemenda r-restrizzjonijiet fis-seħħ u ssostni li dan l-abbozz ġie suġġett għall-approvazzjoni mill-Kunsill tal-Ministri, sabiex jiġi eżaminat minnhom mill-iktar fis possibbli u jittieħed vot dwaru mill-parlament.
Il-Kummissjoni tosserva li l-ksur tal-libertà stabbilita fit-Trattat b’dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ Stat Membru jista’ biss jitneħħa permezz tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li huma wkoll vinkolanti. Konsegwentement, il-fatt li r-Repubblika ta’ Ċipru sempliċement bagħtet abbozz ta’ liġi li ma għandu ebda saħħa ġuridika ma jistax jitqies ekwiparabbli għal att vinkolanti li jneħħi r-restrizzjonijiet marbuta mal-akkwist ta’ residenza sekondarja minn ċittadini tal-UE/taż-ŻEE.
Il-Kummissjoni tinkunsidra li, billi ma adottatx, jew fi kwalunkwe każ, billi ma nnotifikatx lill-Kummissjoni, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tneħħi r-restrizzjoniijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali marbuta mal-akkwist ta’ residenza sekondarja minn ċittadini tal-UE/taż-ŻEE, ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 24 tal-Att dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Adeżjoni, flimkien mal-Anness VII ta’ dan l-att, dwar il-miżuri tranżitorji li jikkonċernaw lil Ċipru.
Full & Egal Universal Law Academy