24.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/8
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fid-29 ta’ Diċembru 2011 — Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer), suċċessur fid-dritt tal-Office national interprofessionnel des fruits, des légumes, des vins et de l’horticulture (VINIFLHOR) vs Société anonyme d’intérêt collectif agricole Unanimes
(Kawża C-672/11)
2012/C 89/11
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer), suċċessur fid-dritt tal-Office national interprofessionnel des fruits, des légumes, des vins et de l’horticulture (VINIFLHOR)
Konvenuta: Société anonyme d’intérêt collectif agricole Unanimes
Domandi preliminari
(1)
Kif il-fakultà, mogħtija mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 4045/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament mis-sezzjoni ta’ Garanziji tal-EAGGF (1), li jiġi estiż il-perijodu taħt skrutinju “għal perijodi (…) qabel jew wara l-perijodu ta’ tnax-il xahar” li huwa jiddefinixxi, tista’ tiġi implimentata minn Stat Membru, fid-dawl, minn naħa, tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, u minn naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-bżonn li ma titħallhiex setgħa indeterminata lill-awtoritajiet ta’ skrutinju?
(2)
B’mod partikulari:
—
Il-perijodu taħt skrutinju għandu, fi kwalunkwe ipoteżi, taħt piena li l-iskrutinju jkun ivvizzjat minn irregolarità li l-persuna taħt skrutinju tista’ tinvoka fir-rigward ta’ deċiżjoni li tagħti lok għall-konsegwenzi tar-riżultati ta’ dan l-iskrutinju, jintemm matul il-perijodu ta’ tnax-il xaħar ta’ qabel il-perijodu msemmi “ta’ skrutinju” matul liema perijodu t-tranżazzjonijiet ta’ skrutinju jitwettqu?
—
F’każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, kif il-fakultà, espressament prevista mir-regolament, li l-perijodu taħt skrutinju jiġi estiż għal perijodi “wara l-perijodu ta’ tnax-il xahar” għandha tinftiehem?
—
F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-perijodu taħt skrutinju għandu madankollu, taħt piena li l-iskrutinju jkun ivvizzjat minn irregolarità li l-persuna taħt skrutinju tista’ tinvoka fir-rigward ta’ deċiżjoni li tagħti lok għall-konsegwenzi tar-riżultati ta’ dan l-iskrutinju, jinkludi perijodu ta’ tnax-il xahar li jintemm matul il-perijodu ta’ skrutinju ta’ qabel dak li matulu l-iskrutinju jseħħ, jew jista’ l-iskrutinju jirrigwarda biss perijodu li jintemm qabel il-bidu tal-perijodu ta’ skrutinju preċedenti?
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) NRU 4045/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament mis-sezzjoni ta’ Garanziji tal-Gwida Agrikola u tal-Fond ta’ Garanziji tal-Unjoni Ewropea u li qed iħassar id-Direttiva Nru 77/435/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol. 9, p. 208)
Full & Egal Universal Law Academy