Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2012 — Amorim Energia BV vs Ministério das Finanças e da Administração Pública
(Kawża C-38/11)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE — Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE — Direttiva 90/435/KEE — Artikolu 3(2) — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Taxxa fuq id-dividendi — Taxxa f’ras il-għajn — Eżenzjoni — Żamma ta’ sehem minimu fil-kumpannija li tqassam id-dividendi — Kundizzjonijiet — Perjodu minimu ta’ żamma mhux interrotta tal-imsemmi sehem — Kundizzjonijiet — Kumpanniji benefiċjarji residenti u mhux residenti — Differenza fit-trattament”
1. Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tkopri ishma fil-kapital ta’ impriża mqassma biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li tiġi influwenzata l-ġestjoni u l-kontroll tagħha — Inklużjoni — Nuqqas ta’ applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 63 TFUE) (ara l-punti 37-39)
2. Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Taxxa fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil kumpannija benefiċjarja mhux residenti li għandha sehem ogħla minn 10 % iżda iktar baxx minn 20 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija distributriċi — Eżenzjoni tad-dividendi mqassma lill-kumpanniji azzjonisti residenti li għandhom l-istess tip ta’ ishma — Inammissibbiltà — Limiti — Newtralizzazzjoni, permezz ta’ ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja, tal-effetti ta’ restrizzjoni bħal din għall-moviment liberu tal-kapital — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali (Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE) (ara l-punti 52-69 u d-dispożittiv 1)
3. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Taxxa fuq id-dividendi — Rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn imposta fuq dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni, għal din tal-aħħar, li żżomm sehem ogħla minn 20 % b’mod mhux interrott għal sentejn — Ittardjar tal-eliminazzjoni tat-taxxa doppja tad-dividendi — Inammissibbiltà — Limiti — Newtralizzazzjoni, permezz ta’ ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja, tal-effetti ta’ restrizzjoni bħal din għal-libertà ta’ stabbiliment — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali (Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE) (ara l-punti 70-84 u d-dispożittiv 2)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Supremo Tribunal Administrativo — Interpretazzjoni tal-Artikoli 63 u 65 TFUE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dividendi mqassma lil kumpanniji mhux residenti għal sistema fiskali inqas favorevoli minn dik applikabbli għad-dividendi mqassma lill-kumpanniji residenti — Ħtieġa ta’ perijodu minimu ta’ żamma tal-azzjonijiet itwal u ta’ sehem azzjonarju minimu ikbar għall-kumpanniji mhux residenti.
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lil kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor li żżomm, f’kumpannija residenti fil-Portugall, sehem ogħla minn 10 % iżda iktar baxx minn 20 %, li tikseb l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq it-tqassim tad-dividendi li saru mill-kumpannija residenti fil-Portugall u b’hekk tissuġġetta lil dawn id-dividendi għat-taxxa doppja, filwaqt li, meta d-dividendi jitqassmu lill-kumpanniji azzjonarji residenti fil-Portugall u li għandhom l-istess tip ta’ ishma, tali taxxa doppja tad-dividendi ma sseħħx. Meta Stat Membru jinvoka ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja, konkluż ma’ Stat Membru ieħor, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk dan il-ftehim għandux jittieħed inkunsiderazzjoni u, jekk ikun il-każ, li tivverifika jekk dan jinnewtralizzax l-effetti tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.
2)
L-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor li żżomm, f’kumpannija residenti fil-Portugall, sehem ogħla minn 20 % li tikseb ir-rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn fuq it-tqassim tad-dividendi li saru mill-kumpannija residenti fil-Portugall biss meta hija tkun żammet tali sehem b’mod mhux interrott għal sentejn u b’hekk tittardja l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja fir-rigward tal-kumpanniji azzjonarji residenti fil-Portugall, li għandhom l-istess tip ta’ ishma. Meta Stat Membru jinvoka ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja, konkluż ma’ Stat Membru ieħor, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk dan il-ftehim għandux jittieħed inkunsiderazzjoni u, jekk ikun il-każ, li tivverifika jekk dan jinnewtralizzax l-effetti tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.
Full & Egal Universal Law Academy