Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-27 ta’ April 2012 — Notermans vs Boddenberg
(Kawża C‑114/11)
“Artikoli 18 KE u 39 KE — Vetturi bil-mutur — Użu fi Stat Membru ta’ vettura bil-mutur privata rreġistrata fi Stat Membru ieħor — Tassazzjoni ta’ din il-vettura fl-ewwel Stat Membru meta tintuża għall-ewwel darba fin-netwerk nazzjonali tat-toroq — Vettura li persuna tieħu magħha meta tmur tirrisjedi fl-ewwel Stat Membru u li tużaha kemm għal finijiet privati kif ukoll sabiex tmur fil-post tax-xogħol li jinsab fit-tieni Stat Membru”
Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Ugwaljanza fit-trattament — Ħaddiem impjegat fi Stat Membru u li ttrasferixxa r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor (Artikolu 39 KE) (ara l-punt 33 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hoge Raad der Nederlanden — Interpretazzjoni tal-Artikoli 18 KE u 39 KE (attwalment l-Artikoli 21 TFUE u 45 TFUE) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi taxxa fuq ir-reġistrazzjoni meta vettura tintuża għall-ewwel darba fin-netwerk nazzjonali tat-toroq — Issuġġettar għat-taxxa ta’ persuna li biddlet ir-residenza minn Stat Membru ieħor, li għandha n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li tuża b’mod permanenti vettura rreġistrata hemmhekk u inkluża fil-bidla fir-residenza, għal finijiet ta’ użu privat u relatat max-xogħol li jinvolvi vjaġġi lejn dan l-Istat Membru ieħor.
Dispożittiv
L-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq ir-residenti tiegħu li biddlu r-residenza minn Stat Membru ieħor u li ġabu magħhom vettura rreġistrata f’dan l-aħħar Stat Membru, meta vettura tintuża għall-ewwel darba fin-netwerk nazzjonali tat-toroq, il-ħlas ta’ taxxa normalment dovuta mar-reġistrazzjoni ta’ vettura fl-ewwel Stat Membru, meta l-imsemmija vettura hija essenzjalment użata fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru b’mod permanenti, anki jekk dan l-użu jinkludi vjaġġi mwettqa mill-imsemmija residenti sabiex imorru fuq il-post tax-xogħol tagħhom, li jinsab fit-tieni Stat Membru.
Full & Egal Universal Law Academy