Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 taʼ Marzu 2012 — Febetra
(Kawża C‑333/11)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Konvenzjoni TIR — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Dazju tas-sisa — Trasport taʼ oġġetti koperti bʼcarnet TIR — Ħatt irregolari — Determinazzjoni tal-post fejn twettaq il-ksur — Irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni u tad-dazji tas-sisa — Kompetenzaˮ
1. Moviment liberu tal-merkanzija — Tranżitu Komunitarju estern — Trasport kopert bʼcarnet TIR — Ksur jew irregolaritajiet — Determinazzjoni tal-post fejn twettaq il-ksur jew l-irregolarità — Preżunzjoni favur il-post fejn saret il-konstatazzjoni — Konfutazzjoni abbażi ta’ provi prodotti minn assoċjazzjoni garanti (Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 454(3) (ara l-punt 38, dispożittiv 1)
2. Unjoni doganali — Dejn doganali — Taxxa fuq il-valur miżjud — Dazji tas-sisa — Direttiva 92/12 — Stat Membru kompetenti għall-irkupru (Direttiva tal-Kunsill 92/12, Artikoli 6(1) u 7(1)) (ara l-punt 43 u d-dispożittiv 2)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hof van Cassatie van België — Interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 454(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 taʼ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), tal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 taʼ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar taʼ dan it-tip taʼ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179) u tal-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni doganali dwar it-trasport internazzjonali taʼ merkanzija koperta bʼcarnet TIR (Konvenzjoni TIR) — Ksur jew irregolaritajiet — Post fejn twettaq il-ksur jew l-irregolarità — Post meqjus li jinsab fil-post fejn ġie kkonstatat il-ksur jew l-irregolarità, fil-każ li ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat il-post taʼ fejn twettaq dan il-ksur jew din l-irregolarità.
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 454(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat‑2 taʼ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1662/1999, tat-28 taʼ Lulju 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li assoċjazzjoni garanti tistaʼ tipprova l-post fejn twettaq ksur jew irregolarità billi tibbaża ruħha fuq il-post fejn il-carnet TIR ikun ġie aċċettat jew fejn is-siġilli jkunu twaħħlu. Jekk din l-assoċjazzjoni jirnexxielha tikkonfuta l-preżunzjoni taʼ kompetenza tal-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun ġie kkonstatat ksur jew irregolarità matul it-trasport taʼ oġġetti koperti bʼcarnet TIR favur l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun effettivament twettaq dan il-ksur jew din l-irregolarità, li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, l-awtoritajiet doganali taʼ dan l-Istat Membru tal-aħħar isiru kompetenti sabiex jirkupraw id-dejn doganali.
2)
L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 taʼ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar taʼ dan it-tip taʼ prodotti, kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill 96/99/KE, tat-30 taʼ Diċembru 1996, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ġiet skoperta, maqbuda u kkonfiskata merkanzija, huma kompetenti sabiex jirkupraw id-dazju tas-sisa, anki jekk din il-merkanzija ddaħħlet fit-territorju tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor, sakemm il-qbid tal-merkanzija jkun għall-finijiet kummerċjali, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tiddeterminah.
Full & Egal Universal Law Academy