Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2011 – Auditeur du travail vs Yangwei
(Kawża C‑349/11)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Direttiva 97/81/KE – Ostakoli amministrattivi ta’ natura li jillimitaw il-possibbiltajiet ta’ xogħol part-time – Obbligu ta’ pubbliċità u ta’ konservazzjoni tal-kuntratti u tal-ħinijiet tax-xogħol”
Politika soċjali - Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC - Direttiva 97/81 - Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ konservazzjoni u ta’ pubbliċità tal-kuntratti u tal-ħinijiet tal-ħaddiema part-time - Ammissibbiltà - Kundizzjonijiet - Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali (Direttiva tal-Kunsill 97/81, Anness, klawżoli 4 u 5(1)) (ara l-punti 22-30, 32, 33, 38, 39 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari - Tribunal de première instance de Liége - Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ- CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267) - Ammissibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi l-istabbiliment, mill-persuna li timpjega, ta’ dokumenti fejn jiġu rreġistrati d-derogi mill-ħinijiet tax-xogħol kif ukoll il-konservazzjoni u l-pubbliċità tal-kuntratti u tal-ħinijiet ta’ xogħol part-time - Ostakoli amministrattivi li jistgħu jillimitaw il-possibbiltajiet ta’ xogħol part-time.
Dispożittiv
1)
Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time anness mad‑Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-persuna li timpjega obbligi ta’ konservazzjoni u ta’ pubbliċità tal-kuntratti u tal-ħinijiet tal-ħaddiema part‑time jekk jiġi stabbilit li din il-leġiżlazzjoni ma twassalx sabiex dawn tal-aħħar jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli jew, jekk ikun hemm tali differenza fit-trattament, jiġi stabbilit li din hija ġġustifikata b’raġunijiet oġġettivi u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki fattwali u ġuridiċi neċessarji, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli, sabiex tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li tressqet quddiemha.
2)
Fis-sitwazzjoni fejn il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time anness mad‑Direttiva 97/81, ikun hemm lok li l-klawżola 5(1) tiegħu tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi tali leġiżlazzjoni wkoll.
Full & Egal Universal Law Academy