Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012 — Tate & Lyle Investments
(Kawża C-384/11)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Artikolu 63 TFUE — Leġiżlazzjoni fiskali — Distribuzzjoni ta’ dividendi — Taxxa f’ras il-għajn — Prevenzjoni jew tnaqqis tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi — Trattament differenti tal-kumpanniji benefiċjarji residenti u tal-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti”
Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-ħlasijiet — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta lid-dividendi ddistribwiti, wara tranżazzjoni ta’ diviżjoni, minn kumpannija residenti lil kumpannija mhux residenti għal tassazzjoni ogħla minn dik tad-dividendi ddistribwiti fi kwalunkwe każ lill-kumpanniji residenti fl-Istat Membru kkonċernat — Inammissibbiltà — Limiti — Newtralizzazzjoni tal-effetti tar-restrizzjoni permezz tat-tnaqqis tat-taxxa f’ras il-għajn mit-taxxa dovuta fl-Istat Membru l-ieħor, skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali (Artikolu 63 TFUE) (ara l-punti 18-46 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Rechtbank van eerste aanleg te Brussel — Interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE — Restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Taxxa fuq id-dividendi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi taxxa f’ras il-għajn ta’ 10 % fuq id-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji residenti kif ukoll fuq id-dħul assimilat — Tnaqqis tal-ammont ta’ din it-taxxa f’ras il-għajn mit-taxxa fuq il-kumpanniji li huwa possibbli biss għall-kumpanniji residenti.
Dispożittiv
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal taxxa f’ras il-għajn id-dividendi ddistribwiti minn kumpannija residenti lill-kumpanniji benefiċjarji residenti u mhux residenti li għandhom sehem ta’ inqas minn 10 % fil-kapital ta’ din il-kumpannija distributriċi iżda li l-valur tal-akkwist tiegħu huwa ta’ inqas minn EUR 1.2 miljun filwaqt li tipprevedi mekkaniżmu li jippermetti t-tnaqqis tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi għall-kumpanniji benefiċjarji residenti biss. Meta Stat Membru jinvoka ftehim għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja konkluż ma’ Stat Membru ieħor, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tistabbilixxi jekk dan il-ftehim għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kawża li jkollha quddiemha u, jekk ikun il-każ, li tivverifika jekk dan jippermettix li jiġu nnewtralizzati l-effetti tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.
Full & Egal Universal Law Academy