Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-9 ta’ Frar 2012 — Novartis vs Actavis UK
(Kawża C-442/11)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem — Ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari — Regolament (KE) Nru 469/2009 — Artikoli 4 u 5 — Ingredjent attiv uniku li jkun wassal għall-ħruġ ta’ tali ċertifikat — Portata tal-protezzjoni — Prodott mediċinali li fih diversi ingredjenti attivi, fosthom dak li huwa s-suġġett ta’ ċertifikat”
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Leġiżlazzjonijiet uniformi — Proprjetà industrijali u kummerċjali — Dritt ta’ privattiva — Ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għall-prodotti mediċinali (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 469/2009, Artikoli 4 u 5) (ara l-punt 23 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — High Court of Justice (Chancery Division) — Interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (ĠU L 152, p. 1) — Portata taċ-ċertifikat — Protezzjoni limitata għall-prodotti mediċinali li jkun fihom biss l-ingredjent attiv protett jew inkella protezzjoni estiża għall-prodotti mediċinali li jkun fihom l-ingredjent attiv flimkien ma’ ingredjent attiv ieħor.
Dispożittiv
L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta “prodott” li jikkonsisti f’ingredjent attiv kien protett minn privattiva bażika u d-detentur ta’ din il-privattiva seta’ jibbaża ruħu fuq il-protezzjoni mogħtija minn din il-privattiva fir-rigward ta’ dan il-“prodott” sabiex jikkontesta l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali li għandu dan l-ingredjent attiv flimkien ma’ wieħed jew iktar ingredjenti attivi oħra, ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari mogħti għal dan l-istess “prodott” jista’, wara li tkun skadiet il-privattiva bażika, jippermetti lid-detentur tiegħu jikkontesta l-kummerċjalizzazzjoni minn terzi ta’ prodott mediċinali li jkun fih l-imsemmi prodott għall-użu tal-“prodott”, bħala prodott mediċinali, li kien ġie awtorizzat qabel ma jkun skada l-imsemmi ċertifikat.
Full & Egal Universal Law Academy