Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Frar 2012 — Lorenzo Martínez vs Junta de Castilla y León
(Kawża C-556/11)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura − Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku — Tagħlim mhux universitarju — Dritt għal allowance kull sitt snin għal taħriġ kontinwu — Esklużjoni ta’ għalliema impjegati bħala uffiċjali temporanji — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”
1. Politika soċjali — Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Kundizzjonijiet ta’ impjieg — Kunċett — Allowance għal taħriġ kontinwu — Inklużjoni — Obbligu li jiġi applikat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 4(1)) (ara l-punti 38-40)
2. Politika soċjali — Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol — “L-istess xogħol” — Kunċett — Ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Natura tax-xogħol, kundizzjonijiet tat-taħriġ u kundizzjonijiet tax-xogħol — Setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 3(2)) (ara l-punti 42-46)
3. Politika soċjali — Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament — Kunċett — Differenza fit-trattament iġġustifikata mis-sempliċi eżistenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevediha — Inammissibbiltà (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 4(1)) (ara l-punti 40, 47-50, 54 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Juzgado Contencioso — Administrativo de Valladolid — Interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Għoti lill-korp tat-tagħlim ta’ allowance kull sitt snin għal taħriġ kontinwu — Għoti esklużivament lill-uffiċjali permanenti.
Dispożittiv
Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li huwa inkluż fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva, irrispettivament minn kwalunkwe ġustifikazzjoni għal raġunijiet oġġettivi, id-dritt li tingħata allowance kull sitt snin għal taħriġ kontinwu biss lill-għalliema impjegati bħala uffiċjali permanenti, bl-esklużjoni ta’ dawk li jeżerċitaw bħala uffiċjali temporanji, meta, fir-rigward tal-għoti ta’ din l-allowance, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli.
Full & Egal Universal Law Academy