Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-18 ta’ Settembru 2012 — Omnicare vs UASI
(Kawża C-587/11 P)
“Appell — Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “OMNICARE CLINICAL RESEARCH” — Oppożizzjoni — Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Rikors — Sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiċħad dan ir-rikors — Irtirar tal-oppożizzjoni — Appell — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”
Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ appell — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni — Appell ippreżentat mill-applikant għal trade mark Komunitarja kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali li tikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li ċaħdet ir-reġistrazzjoni — Irtirar tal-oppożizzjoni kontra t-talba għal reġistrazzjoni — Tmiem tal-kawża (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63) (ara l-punti 11, 12)
Suġġett
Appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla), tad-9 ta’ Settembru 2011, Omnicare vs UASI — Astellas Pharma (OMNICARE) (T-289/09), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet rikors għal annullament ippreżentat mill-applikant għat-trade mark verbali “OMNICARE CLINICAL RESEARCH”, għal servizzi fil-klassi 42, kontra d-Deċiżjoni R 401/2008-4 tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), tal-14 ta’ Mejju 2009, li tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tiċħad l-oppożizzjoni magħmula mill-proprjetarju tat-trade mark nazzjonali “OMNICARE”, għal servizzi fil-klassijiet 35, 41 u 42 — Interpretazzjoni u applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 — Kunċett ta’ użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti — Trade mark użata għal servizzi pprovduti mingħajr ħlas.
Dispożittiv
1)
Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-appell ippreżentat minn Omnicare Inc.
2)
Omnicare Inc. hija kkundannata għall-ispejjeż tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), fil-kuntest tal-kawża preżenti kif ukoll tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.
3)
Omnicare Inc. u Astellas Pharma GmbH għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.
Full & Egal Universal Law Academy