30.4.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 130/17
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2011 — Attey vs Il-Kunsill
(Kawża T-118/11)
2011/C 130/30
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Philipp Attey (Abidjan, il-Côte d’Ivoire) (rappreżentant: J.-C. Tchikaya, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Talbiet tar-rikorrent
Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/18/PESK, tal-14 ta’ Jannar 2011, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 25/2011, tal-14 ta’ Jannar 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 560/2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
(1)
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu l-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrent minħabba li jopponi l-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni fil-Côte d’Ivoire kif ukoll minħabba li jirrifjuta r-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali jserrħu fuq il-fatt li l-konvenut ikkunsidra b’mod żbaljat li A. Ouattara ġie elett president tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire meta kien L. Gbagbo li ġie pproklamat president elett mill-Conseil constitutionnel.
(2)
It-tieni motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter, inkwantu l-atti kkontestati i) għandhom għan differenti minn dak stabbilit fl-Artikolu 21 TUE, jiġifieri l-promozzjoni fil-bqija tad-dinja tad-demokrazija u tal-istat ta’ dritt, peress li L. Gbagbo ġie pproklamat president tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire b’mod demokratiku u ii) jiksru l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-Unjoni tippromwovi l-osservanza tagħha, peress li l-konvenut kiser il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil fil-kwistjonijiet interni ta’ Stat.
(3)
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 215(3) TFUE peress li l-atti kkontestati ma għandom l-ebda salvagwardji legali.
(4)
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
—
inkwantu nkisru d-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti, billi l-konvenuta ma kkomunikatlux il-provi miżmuma kontrih u b’hekk ma ppermettietx lir-rikorrent jispjega b’mod effettiv il-perspettiva tiegħu f’dan ir-rigward, u
—
inkwantu nkiser id-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrent, u dan b’mod sproporzjonat.
Full & Egal Universal Law Academy