25.6.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 186/31
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2011 minn Luigi Marcuccio kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta’ Frar 2011 fil-Kawża F-81/09, Marcuccio vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-238/11 P)
2011/C 186/57
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata, sa fejn il-qorti fl-ewwel istanza: a) ċaħdet ir-rikors li ġie ppreżentat quddiemha mir-rikorrent; b) iddeċidiet li tliet kwarti tal-ispejjeż inkorsi mir-rikorrent fl-ewwel istanza għandhom jiġu sostnuti minnu; u barra minn hekk,
—
prinċipalment:
(B.1.1)
tilqa’ t-talbiet kollha ppreżentati mir-rikorrent fl-ewwel istanza, bl-eċċezzjoni tat-talbiet li jikkonċernaw ir-rimbors tal-ispejjeż;
(B.1.2)
tikkundanna lill-konvenuta tirrimborsa lir-rikorrent tliet kwarti tal-ispejjeż li l-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li għandhom jiġu sostnuti minnu
—
jew, sussidjarjament:
(B.2)
tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, f’kompożizzjoni differenti, sabiex jiddeċiedi mill-ġdid dwar il-mertu ta’ kull waħda mit-talbiet iċċitati fil-punti preċedenti (B.1.1) u (B.1.2)
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell preżenti huwa intiż kontra s-sentenza mogħtija fil-15 ta’ Frar 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (Kawża F-81/09). Din is-sentenza ċaħdet rikors li kellu bħala suġġett, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad parzjalment it-talba tar-rikorrent intiża għall-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-arretrati tal-allowance ta’ invalidità li kienet dovuta lilu minn din l-istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallsu somma ekwiparabbli għad-differenza bejn l-ammont tal-interessi moratorji kkalkolati abbażi ta’ kriterji li, skontu, għandhom jiġu applikati, u l-ammont effettivament imħallas.
(1)
L-ewwel aggravju jikkonċerna n-nuqqas assolut ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ċċitata fil-punt 32 tas-sentenza appellata, kif ukoll [ksur] tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha kull istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea (punti 41 sa 47 tas-sentenza appellata).
(2)
It-tieni aggravju jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati, foloz u irraġonevoli tal-kontenut tal-komunikazzjoni tat-8 ta’ Mejju 2003, li tissemma’ fil-punt 53 tas-sentenza appellata.
(3)
It-tielet aggravju jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati, foloz u irraġonevoli tal-kunċett ta’ applikazzjoni ta’ regola b’analoġija kif ukoll tar-regoli tad-dritt u tal-ġurisprudenza li hija relatata magħhom (punti 57 u 58 tas-sentenza appellata).
(4)
Ir-raba’ aggravju jikkonċerna l-ksur tal-prinċipju tad-dritt patere legem quam ipse feristi, li s-sentenza appellata hija irrimedjabbilment affettwata minnu, u n-nuqqas assolut ta’ motivazzjoni taċ-ċaħda tal-argument dwar il-ksur tal-prinċipju patere legem quam ipse feristi (ara b’mod partikolari l-punt 59 tas-sentenza appellata).
(5)
Il-ħames aggravju jikkonċerna l-illegalità taċ-ċaħda (punti 69 u 70 tas-sentenza appellata) tat-“talba għal kundanna pekunjarja” peress li xejn ma ġie deċiż dwar it-talba legali tar-rikorrent li tikkonċerna l-interessi kumpensatorji.
(6)
Is-sitt aggravju jikkonċerna l-illegalità taċ-ċaħda (punti 73 u 76 tas-sentenza appellata) tat-talba għad-danni.
(7)
Is-seba’ aggravju jikkonċerna l-illegalità tal-kundanna tar-rikorrent li jbati tliet kwarti tal-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy