13.8.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 238/26
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2011 — Cementos Portland Valderrivas vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-296/11)
2011/C 238/46
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Cementos Portland Valderrivas, SA (Pamplona, Spanja) (rappreżentant: L. Ortiz Blanco, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2011;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2011, dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, adottata fir-rigward tal-Każ COMP/39.520 — Siment u prodotti reletati mas-siment.
(1)
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed għall-annullament, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
—
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett hija tallega li l-informazzjoni mitluba permezz tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex relatata mal-allegat ksur investigat u għalhekk ma tistax tikkonsentixxi lill-Kummissjoni tivverifika ebda prova li tiġġustifika l-investigazzjoni fir-rigward ta’ Valderrivas. Konsegwentement, ir-rikorrenti tqis li r-rekwiżit ta’ neċessità, li għalih l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jissuġetta l-eżerċizzju ta-setgħa li tintalab informazzjoni, ma ġiex sodisfatt. Ir-rikorrenti ssostni ukoll li l-fatt li d-deċiżjoni ma fiha ebda referiment għal tali provi ma jistax jippermettilha tevita l-istħarriġ neċessarju tan-neċessità mill-Qorti Ġenerali.
—
It-tieni nett, ir-rikorrenti tindika li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn din timponilha oneru manifestament sproporzjonat fir-rigward tan-neċessità tal-investigazzjoni. Dan l-isproporzjon huwa rifless fin-natura, fil-portata mhux miżurata u fil-livell eċċessiv ta’ dettall tal-informazzjoni mitluba, fl-obbligu ta’ redazzjoni u ta’ preżentazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa fi format speċifiku u fit-terminu indikat sabiex din l-informazzjoni tiġi pprovduta.
Full & Egal Universal Law Academy