13.8.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 238/34
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ġunju 2011 — MasterCard et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-330/11)
2011/C 238/59
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: MasterCard, Inc. (Wilmington, l-Istati Uniti), MasterCard International, Inc. (Wilmington, l-Istati Uniti) u MasterCard Europe SPRL (Waterloo, il-Belġju) (rappreżentanti: B. Amory, V. Brophy u S. McInnes, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli;
—
tannulla, fl-intier tagħha, id-deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni bbażata fuq l-eċċezzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331);
—
tiddikjara li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 hija infondata fid-dritt; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużi l-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
(1)
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikoli 4(3) u 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li:
—
Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma ssodisfatti;
—
L-elementi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni huma fattwalment żbaljati; u
—
Hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokumenti pprovduti minn EIM Business and Policy Research fil-kuntest tal-istudju “Spejjeż u benefiċċji lil negozjaturi rigward l-aċċettazzjoni ta’ metodi differenti ta’ ħlas” (COMP/2009/D1/020)
(2)
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegat żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni bil-ksur tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif ukoll tal-Artikolu 2 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament intern tagħha (ĠU 2010 L 55, p. 60), peress li:
—
Il-Kummissjoni illegalment bdiet mill-ġdid it-terminu ta’ stħarriġ; u
—
Il-Kummissjoni estendiet illegalment it-terminu ta’ stħarriġ bi 15-il jum ta’ xogħol.
Full & Egal Universal Law Academy