24.9.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/33
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2011 — Deutsche Post vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-388/11)
2011/C 282/66
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Deutsche Post AG (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Sedemund, T. Lübbig u M. Klasse, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Mejju 2011 fil-każ dwar għajnuna mill-Istat Nru C 36/2007 — Il-Ġermanja: għajnuna mill-Istat favur Deutsche Post AG (COM[2011] 3081 finali);
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni COM(2001) 3081 finali, tal-10 ta’ Mejju 2011, fil-Każ dwar għajnuna mill-Istat Nru C 36/2007 — Il-Ġermanja: għajnuna mill-Istat favur Deutsche Post AG, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-proċedura ta’ eżami skont l-Artikolu 108(2) FUE għall-każ ineżami. L-estensjoni tirrigwarda l-finanzjament pubbliku tas-sistema tal-pensjoni tal-impjegati tal-Posta Ġermaniża rreklutati qabel l-inkorporazzjoni tar-rikorrenti, liema finanzjament kien diġà s-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura maħruġa mill-Kummissjoni fit-12 ta’ Settembru 2007.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
(1)
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE — Klassifikazzjoni manifestament żbaljata bħala għajnuna mill-Istat
L-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni jikkonsisti fil-fatt li l-Kummissjoni ma applikatx għall-każ ineżami l-ġurisprudenza Combus (sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Kawża T-157/01, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-917). Skont din il-ġurisprudenza, il-miżuri li jeżentaw lil impriżi li qabel kienu impriżi pubbliċi mill-obbligi marbuta mas-sistema tal-pensjoni li jmorru lil hinn mill-miżuri normalment sostnuti mill-impriżi privati ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Li kieku din il-ġurisprudenza kienet applikata għall-każ ineżami, kien jirriżulta li l-obbligi marbuta mas-sistema tal-pensjoni ma jistgħux jitqiesu li huma għajnuna mill-finanzjament pubbliku.
(2)
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 (1) u tal-Artikoli 107 u 108 T FUE — Żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni bħala għajnuna “ġdida”
L-iżball manifest imwettaq mill-Kummissjoni jikkonsisti fil-fatt li ma kkunsidratx li r-responsabbiltà tal-Istat fir-rigward tal-obbligi marbuta mas-sistema tal-pensjoni — fl-eventwalità li jkunu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ każ ta’ għajnuna — tista’ tirrigwarda biss l-għajnuna eżistenti. Ir-responsabbiltà miżmuma mill-Istat Federali fir-rigward tal-obbligi marbuta mas-sistema tal-pensjoni tirriżulta mil-liġi Kostituzzjonali Ġermaniża, u għalhekk din ir-responsabbiltà kienet diġà prevista fil-mument tad-dħul fis-seħħ tat-Trattati u ma ġietx emendata b’mod sostanzjali sussegwentement. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija marbuta b’dak li ġie deċiż fil-kawża Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, T-266/02, fejn ġie deċiż, b’riferiment għas-sistema tal-pensjoni, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2002, kienet diġà ċaħdet l-eżistenza tar-rekwiżit ta’ “vantaġġ” rikjest mid-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, deċiżjoni din li tammonta għal attestazzjoni negattiva fir-rigward tad-dritt imsemmi.
(3)
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE — Metodu manifestament żbaljat ta’ kif sar il-kalkolu tal-allegata għajnuna
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għamlitx kalkolu ta’ kumpens, fil-fehma tagħha neċessarju, fir-rigward tal-benefiċċji soċjali effettivament sostnuti mir-rikorrenti għall-impjegati, fejn jitnaqqsu l-allegati “żidiet” għall-obbligi soċjali li normalment ma jkunux previsti mill-kompetizzjoni u li huma previsti fid-dispożizzjonijiet dwar skemi statutorji, u fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet soċjali sostnuti mill-kompetituri privati fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. Għaldaqstant, il-metodu ta’ kalkolu tal-Kummissjoni jeskludi, b’mod illegali, l-ammont sħiħ tal-benefiċċji soċjali effettivament ikkontribwit mir-rikorrenti għall-impjegati bil-konsegwenza li għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-allegata għajnuna kkalkolata mill-Kummissjoni huwa irrilevanti jekk ir-rikorrenti ħalsitx il-benefiċċji soċjali u, jekk ikun il-każ, kemm. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-allegati “żidiet” inklużi fil-korrispettivi ma jistgħux jiġu provati u, fi kwalunkwe każ, in-nefqa soċjali li normalment ma jkunux previsti mill-kompetizzjoni ma jistgħux fil-fatt jiġu koperti mill-profitti.
(4)
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE — Kwalifikazzjoni manifestament żbaljata tal-allegat “sussidju trażversali” bejn is-settur mhux irregolarizzat u s-settur irregolarizzat bħala għajnuna mill-Istat
B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni eskludiet il-kalkolu obbligatorju tal-kumpens żejjed u ma vverifikatx jekk il-ħlasijiet pubbliċi għal kumpens kinux iktar min-nefqa li setgħet tiġi kkumpensata.
(5)
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE — Żball manifest fl-użu tal-“benchmark” adottat b’riferiment għall-obbligi soċjali normalment previsti mill-kompetizzjoni
Ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li, fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet soċjali ta’ persuni li jħaddmu privati, normalment previsti mill-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet tal-impjegati minkejja li dawn għandhom jiġu imputati bħala dħul tal-impjegati u mhux bħala kontribuzzjonijiet soċjali sostnuti minn min iħaddem, u li l-Kummissjoni ħadet bħala riferiment għall-“benchmark” il-livell (eċċessivament għoli) tas-salarji tal-impjegati kif ukoll il-livell tas-salarji normalment previst mill-kompetizzjoni fil-forma ta’ impriżi privati. Jekk jiġu kkoreġuti dawn iż-żewġ żbalji, l-allegata għajnuna tisfa fix-xejn.
(6)
Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE — Nuqqas ta’ motivazzjoni
Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speciali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
Full & Egal Universal Law Academy