24.9.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/43
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2011 — Ellinika Touristika Akinita vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-419/11)
2011/C 282/80
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Ellinika Touristika Akinita A.E. (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: N. Fragkakis, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tilqa’ r-rikors fl-intier tiegħu;
—
tannulla u tinvalida d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni indirizzata lir-Repubblika Ellenika;
—
tordna li kull somma li setgħet ġiet “irkuprata” direttament jew indirettament mingħand ir-rikorrenti b’implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tiġi rrimborsata flimkien mal-interessi;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 3504 finali, tal-24 ta’ Mejju 2011 dwar għajnuna mill-Istat lil ċerti każinos Griegi, Nru C 16/2010 (ex NN 22/2010, ex CP 318/2009), li ġiet implementata mir-Repubblika Ellenika.
Ir-rikorrenti tinvoka s-segwenti motivi għal annullament.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE u għoti insuffiċjenti ta’ raġunijiet bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE. B’mod partikolari, il-miżura inkwistjoni: (i) ma tiżgurax vantaġġ ekonomiku lill-każino ta’ Parintha u dak ta’ Corfu permezz tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat, (ii) ma hijiex ta’ natura selettiva u (iii) ma tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma tfixkilx jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). B’mod partikolari: (i) l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali jista’ jintalab biss mingħand il-benefiċjarji effettivi tal-għajnuna u (ii) ma hemmx identità bejn il-benefiċjarji effettivi tal-miżura inkwistjoni (il-kljienti tal-każinos) u l-persuni li lilhom ġiet indirizzata l-ordni għall-irkupru (il-każinos ta’ Corfu, Parnitha u Thessaloniki), li ma ntalbux flus għall-biljetti tad-dħul.
(3)
It-tieni motiv ibbażat fuq l-interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 14(1)(b) ta’ dak ir-regolament. L-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni jmur kontra: (i) il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u (ii) il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Full & Egal Universal Law Academy