1.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 290/15
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awissu 2011 — BelTechExport vs Il-Kunsill
(Kawża T-438/11)
2011/C 290/21
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: BelTechExport ZAO (Minsk, il-Bjelorussja) (rappreżentanti: V. Vaitkute Pavan, A. Smaliukas u E. Matulionyte, avukati)
Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (ĠU 2011, L 161, p. 1), sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/357/PESK, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (ĠU 2011, L 161, p. 25), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur, min-naħa tal-konvenut, tal-obbligu li jipprovdi motivazzjoni xierqa għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw il-miżuri restrittivi.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq previsti bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u bl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, sa fejn il-konvenuta:
—
fl-ebda ħin ma pprovdiet għall-komunikazzjoni tal-motivi ddettaljati għall-inklużjoni fil-listi ta’ persuni li huma s-suġġett tal-miżuri restrittivi; u
—
bl-ebda mod ma tagħat lir-rikorrenti l-possibbiltà li teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ u d-dritt li tibbenefika minn proċedura li tippermettilha li effettivament titlob it-tneħħija ta’ isimha mil-lista ta’ persuni u entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-konvenuta kkunsidrat li r-rikorrenti hija l-ikbar impriża li timporta/tesporta prodotti konnessi mad-difiża fil-Bjelorussja u li għalhekk din hija, b’mod jew b’ieħor, assoċjata jew marbuta mal-preġudizzji għar-regoli elettorali u għad-drittijiet tal-bniedem jew mar-repressjoni fir-rigward tas-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja.
(4)
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-preġudizzju li l-konvenuta kkawżat għad-dritt fundamentali ta’ proprjeta previst bl-Artikolu 17 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u bl-Artikoli 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b’mod inġustifikat u sproporzjonat, mingħajr provi determinanti.
(5)
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-preġudizzju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-konvenuta imponiet restrizzjoni sproporzjonata fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, mingħajr ma pprovdiet il-garanziji proċedurali xierqa jew il-provi determinanti.
Full & Egal Universal Law Academy