1.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 290/15
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awissu 2011 — Sport-pari vs Il-Kunsill
(Kawża T-439/11)
2011/C 290/22
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Sport-pari ZAO (Minsk, Bjelarussja) (rappreżentanti: V. Vaitkute Pavan, A. Smaliukas u E. Matulionyte, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bielorussja (ĠU L 161, pag. 1), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/357/PESK, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bielorussja (ĠU L 161, p. 25), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq bħala l-argument prinċipali tagħha l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li joskuraw il-miżuri kkontestati tal-Kunsill. B’mod partikolari, hija tallega li l-Kunsill ikkonkluda bi żball li r-rikorrenti hija (a) ikkontrollata minn Vladimir Peftiev; (b) operatriċi ta’ lotterija nazzjonali; (ċ) marbuta jew assoċjata mal-ksur tar-regoli tal-qasam elettorali u ta’ drittijiet umani jew mar-repressjoni tas-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja jew mal-importazzjoni fil-Bjelorussja tal-apparat li jista’ jintuża għar-repressjoni interna.
Barra minn hekk, insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
(1)
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-konvenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni suffiċjenti għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.
(2)
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-konvenut tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq ipprovduti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, billi:
—
il-konvenut fl-ebda ħin ma kkomunika r-raġunijiet fid-dettall għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi; u
—
ma tax lir-rikorrenti l-possibbiltà li teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża b’mod effikaċi, b’mod partikolari d-dritt li tinstema’ u d-dritt li tibbenefika minn proċedura li tippermettilha li titlob b’mod effettiv li titneħħa mil-listi ta’ persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.
(3)
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-konvenut tad-dritt fundamentali tal-proprjetà pprovdut fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali b’mod inġustifikat u sproporzjonat u mingħajr ma pprovda provi konvinċenti,.
(4)
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-konvenut tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu impona restrizzjoni sproporzjonata fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti mingħajr ma pprovda garanziji proċedurali xierqa u provi konvinċenti.
Full & Egal Universal Law Academy