1.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 290/16
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awissu 2011 — BT Telecommunications vs Il-Kunsill
(Kawża T-440/11)
2011/C 290/23
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: BT Telecommunications PUE (Minsk, il-Bjelorussja) (rappreżentanti: V. Vaitkute Pavan, A. Smaliukas u E. Matulionyte, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (1), sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/357/PESK, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (2), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenut tal-obbligu li jipprovdi motivazzjoni adegwata għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għad-difiża u tad-dritt għal smigħ ġust previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, sa fejn il-konvenut:
—
fl-ebda mument ma pprovda għall-komunikazzjoni ta’ motivi ddettaljati għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi; u
—
ma pprovdiex lir-rikorrenti bil-possibbiltà li teżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ u d-dritt li tibbenefika minn proċedura li tippermettilha titlob effettivament li titneħħa minn fuq il-listi ta’ persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, billi fil-miżuri kkontestati l-konvenut qies li r-rikorrenti kienet b’xi mod assoċjata mar-reġim ta’ Lukashenko u li kienet qed tagħtih għajnuna finanzjarja, jew b’xi mod kienet qed tipparteċipa fil-ksur tal-istandards elettorali internazzjonali jew fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew fl-importazzjoni fil-Bjelorussja ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna.
(4)
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenut tad-dritt fundamentali għall-proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b’mod inġustifikat u sproporzjonat mingħajr provi determinanti.
(5)
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenut tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn huwa impona restrizzjoni sproporzjonata fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti mingħajr ma pprovda garanziji proċedurali xierqa jew provi determinanti.
(1) ĠU L 161, p. 1.
(2) ĠU L 161, p. 25.
Full & Egal Universal Law Academy