15.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 305/7
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2009 — Barloworld vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-459/11)
2011/C 305/09
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Barloworld International, S.L. (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: F. Alcaraz Gutierrez u A. J. de la Cruz Martínez, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tiddikjara li l-Artikolu 12(5) tat-Texto Refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (“TRILS”) (it-test konsolidat tal-Att dwar it-Taxxa tal-Kumpanniji Spanjol) jinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat irregolata mill-Artikolu 107(1) TFUE u hija nieqsa mill-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE;
—
sussidjarjament, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tannulla l-Artikolu 1(2) u (3) tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, sa fejn ma tippermettix li t-tranżazzjonijiet effettwati bejn id-data ta’ meta ġiet ippubblikata d-deċiżjoni tal-ftugħ tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni (il-21 ta’ Diċembru 2007) u d-data ta’ meta ġiet ippubblikata d-deċiżjoni kkontestata (il-21 ta’ Mejju 2011), ikomplu japplikaw it-tnaqqis fiskali taħt l-Artikolu 12(5) TRLIS matul il-perijodu kollu ta’ amortizzazzjoni;
—
sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(4) u (5) tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, sa fejn il-fatt li tiġi stabbilita skema abbażi tal-allegata ineżistenza ta’ ostakoli legali għal kummerċ transkonfinali huwa nieqes minn motivazzjoni, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn l-Artikolu 12(5) TRLIS ma jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex jiġi kkunsidrat għajnuna mill-Istat.
—
L-Artikolu 12(5) TRLIS, ikkunsidrat fis-sistema sħiħa tat-taxxa Spanjola, ma jikkostitwix vantaġġ ekonomiku għall-iskop tal-Artikolu 107(1) TFUE. Min-naħa l-oħra, il-miżura inkwistjoni hija ta’ natura ġenerali, għaliex ma jistax jiġi konkluż li fil-fatt hija selettiva, skont it-termini rrikonoxxuti mid-duttrina tal-Kummissjoni stess u mill-ġurisprudenza Komunitarja.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas totali ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontesta.
—
Id-deċiżjoni hija nieqsa mill-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma eżaminatx bir-reqqa u b’mod imparzjali il-kwistjonijiet kollha relevanti, u lanqas ma mmotivat suffiċjentement il-konklużjonijiet ta’ din id-deċiżjoni. Konkretament, jattira l-attenzjoni n-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-analiżi jekk hemmx jew le ostakoli legali għall-amalgamazzjonijiet transkonfinali bejn impriżi.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq il-kompatibbiltà tal-miżura mal-Artikolu 107(3) TFUE.
—
L-amortizzazzjoni tal-avvjament finanzjarju għandha l-għan, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fiskali fil-livell tal-Unjoni, li tneħħi l-ostakoli għall-investiment transkonfinali, peress li tneħħi l-effett negattiv ta’ ostakoli għall-amalgamazzjonijiet transkonfinali ta’ impriżi u tqarreb it-trattament fiskali tal-amalgamazzjonijiet transkonfinali ta’ impriżi mat-trattament mogħti lil impriżi nazzjonali, li jiżgura li d-deċiżjonijiet adottati f’dak li jikkonċerna dawn it-tranżazzjonijiet ma jkunux ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet fiskali, iżda fuq kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi.
(4)
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-iskema tranżitorja li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għandha tiġi applikata sad-data ta’ meta ġiet ippubblikata d-deċiżjoni fil-ĠUUE, jiġifieri l-21 ta’ Mejju 2011.
—
Id-deċiżjoni dwar akkwiżizzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea nżammet sa ma tittieħed deċiżjoni, li kienet issemmiet espliċitament fl-ewwel deċiżjoni, dwar akkwiżizzjonijiet ġewwa l-Unjoni Ewropea peress li, barra l-Unjoni, jista’ jkun għad hemm ostakoli legali għal amalgamazzjonijiet transkonfinali ta’ impriżi li jistgħu jpoġġu dawn it-tranżazzjonijiet f’sitwazzjoni legali u fattwali differenti minn dik ta’ tranżazzjonijiet ġewwa l-Unjoni. Għalhekk, l-ewwel deċiżjoni wasslet ċerti impriżi sabiex ikollhom aspettattivi leġittimi dwar il-leġiżlazzjoni Spanjola, speċjalment fid-dawl tal-konoxxenza li, fil-parti l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet, huwa fil-fatt impossibbli li jsiru amalgamazzjonijiett transkonfinali ta’ impriżi barra mill-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy