15.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 305/8
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Awwissu 2011 — Globula vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-465/11)
2011/C 305/10
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Globula a.s. (Hodonín, ir-Republika Ċeka) (rappreżentanti: M. Petite, D. Paemen, A. Tomtsis, D. Koláček u P. Zákoucký, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Ġunju 2011, li tordna lir-Repubblika Ċeka biex tirtira d-deċiżjoni nnotifikata tal-Ministeru tal-Industrija u tal-Kummerċ Ċek, tas-26 ta’ Ottubru 2010, li tagħti eżenzjoni temporanja lir-rikorrenti mill-obbligu li tipprovdi aċċess innegozjat għal partijiet terzi għal faċilità futura ta’ ħażna tal-gass taħt l-art f’Dambořice (C(2011) 4509); u
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
(1)
L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-konvenuta applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 36(9) tat-Tielet Direttiva tal-Gass (1), minflok applikat l-Artikolu 22(4) tat-Tieni Direttiva tal-Gass (2). B’riżultat ta’ dan, il-konvenuta ħarġet id-deċiżjoni ikkontestat fil-forma ta’ deċiżjoni vinkolanti minflok ta’ talba informali. Barra minn hekk, abbażi tal-perjodu ta’ żmien previst fl-Artikolu 36(9) tat- Tielet Direttiva tal-Gass, il-konvenuta ħarġet id-deċiżjoni ikkontesta tard, peress li skont it-Tieni Direttiva tal-Gass il-perijodu ta’ żmien oriġinali jista’ jiġi estiż b’xahar addizzjonali wieħed biss. B’riżultat ta’ dan id-deċiżjoni kkontestata hija mingħajr ebda effett ġuridiku.
(2)
It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-konvenuta kisret l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti meta l-ewwel tat garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti rigward meta u taħt liema ċirkostanzi d-deċiżjoni nnotifikata tal-Ministeru tal-Industrija u tal-Kummerċ Ċek issir finali, iktar tard b’mod inekwivoku kkonfermat mill-ġdid dan u mbagħad, b’mod mhux mistenni, ħarġet id-deċiżjoni kkontestata b’mod inkonsistenti mad-dikjarazzjonijiet preċedenti.
(3)
It-tielet motiv, ibbażat fuq li l-konvenuta kisret it-Trattati u l-istat tad-dritt dwar l-applikazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata applikat dritt sostantiv żbaljat. Ir-rikorrenti ssostni li r-regoli sostantivi applikabbli, li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni kellha tirevedi d-deċiżjoni nnotifikata, jinsabu fl-Artikolu 22 tat-Tieni Direttiva tal-Gass. Għaldaqstant il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.
(4)
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-konvenuta wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti meta, b’mod żbaljat, irrifjutat l-ispjegazzjoni offruta mill-Ministeru tal-Industrija u tal-Kummerċ Ċek, li r-rikorrenti kienet u baqgħet ma sabitx sieħeb affidabbli u għal żmien twil skont ir-regoli tad-dritt Ċek għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ ħżin, applikabbli kemm fiż-żmien meta r-rikorrenti ippreżentat ir-rikors għal eżenzjoni lill-Ministeru kif ukoll attwalment.
(1) Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94).
(2) Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12 Vol. 2 p. 230
Full & Egal Universal Law Academy