19.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 340/25
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2011 — Franza vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-478/11)
2011/C 340/53
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues, J. Gstalter u J. Rossi, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2011) 4376 finali, tad-29 ta’ Ġunju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru NN 10/2010 rigward l-azzjonijiet tal-interprofession nationale porcine (INAPORC), iffinanzjati minn kontribuzzjonijiet volontarji li saru obbligatorji, imposti minn INAPORC fuq il-membri li hija tirrappreżenta. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-kontribuzzjonijiet volontarji li saru obbligatorji huma miżuri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-Kummissjoni kkunsidrat li, permezz ta’ dħul minn kontribuzzjonijiet volontarji li saru obbligatorji, l-azzjonijiet ta’ INAPORC huma imputabbli lill-Istat u ffinanzjati minn riżorsi tal-Istat.
Ir-rikorrenti ssostni li l-azzjonijiet ta’ INAPORC, permezz ta’ dħul minn kontribuzzjonijiet volontarji li saru obbligatorji, jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C-345/02, Ġabra I. p. 7139) sabiex kontribuzzjonijiet obbligatorji rċevuti minn korp li jirrappreżenta l-impriżi ta’ settur ekonomiku ma jiġux ikkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat li jiffinanzjaw l-azzjonijiet imputabbli lill-Istat, sa fejn
—
l-azzjonijiet ta’ INAPORC huma stabbiliti minn korp professjonali li jirrappreżenta lill-impriżi fis-settur agrikolu kkonċernat u ma jservux bħala strumenti għall-implementazzjoni ta’ politika tal-Istat;
—
l-azzjonijiet ta’ INAPORC huma ffinanzjati permezz ta’ riżorsi imposti fuq l-impriżi tas-settur;
—
il-modalitajiet ta’ finanzjament u l-perċentwali/kwantità ta’ kontribuzzjonijiet huma stabbiliti fi ħdan INAPORC, mingħajr ebda intervent mill-Istat;
—
il-kontribuzzjonijiet huma obbligatorjament użati għall-finanzjament tal-miżura mingħajr l-possibbiltà ta’ intervent mill-Istat.
Full & Egal Universal Law Academy