3.12.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 355/27
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2011 — European Dynamics Luxembourg et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-536/11)
(2011/C 355/48)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: European Dynamics Luxembourg SA (Ettelbrück, il-Lussemburgu), European Dynamics Belgium SA (Brussell, il-Belġju), Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li tagħżel l-offerta tar-rikorrenti sottomessa bħala risposta għas-sejħa għal offerti AO 10340 (lottijiet 1, 3 u 4) “Servizzi tal-Kompjuter — Żvilupp, Manteniment, Pariri u Assistenza tas-Software għal tipi differenti ta’ applikazzjonijiet tal-IT” (1), bħala t-tielet kuntrattur fis-sistema kaskata (cascade mechanism) għal-lottijiet 1 u 4 u bħala t-tieni kuntrattur fis-sistema kaskata għal-lott 3, innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2011, u d-deċiżjonijiet kollha relatati tal-Uffiċċju, inklużi dawk li l-kuntratt rispettiv jingħata lill-ewwel u lit-tieni kuntrattur tal-kaskata; u
—
tordna lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jħallas id-danni sostnuti minħabba telf ta’ opportunità u d-danni lir-reputazzjoni u lill-kredibbiltà tar-rikorrenti fl-ammont ta’ EUR 3 450 000; u
—
tordna lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jħallas lir-rikorrenti l-ispejjeż legali u spejjeż oħra sostnuti b’konnessjoni mar-rikors preżenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi, għal kull lott.
(1)
L-ewwel motiv, li jallega
—
li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni, li ma żvelax b’mod korrett l-merti relattivi tal-offerent li ntgħażel u, b’mod ġenerali, billi naqas milli jikkonforma mad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju;
(2)
It-tieni motiv, li jallega
—
li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kiser l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerta, kif ukoll applika kriterju tal-għoti kontra l-Artikolu 97 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 138 tar-Regoli ta’ Implementazzjoni;
(3)
It-tielet motiv, li jallega
—
żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, kummenti vagi u infondati tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, modifika tal-kriterji tal-għoti inkluż fis-sejħa għal offerti a posteriori, il-fatt li l-kriterji l-ġodda ma ġewx innotifikati lill-offerenti fi żmien xieraq u l-fatt li hemm taħlita ta’ kriterji ta’ selezzjoni u ta’ għoti.
(1) ĠU 2011/S 66 — 106099
Full & Egal Universal Law Academy