7.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 6/19
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ottubru 2011 — Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-552/11)
2012/C 6/36
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro A.E. (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: E. Tzannini, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tilqa’ r-rikors preżenti;
—
tannulla n-nota ta’ debitu kkontestata;
—
tikkunsidra l-argumenti tagħha jekk hija tqis li l-ammonti, hekk kif deskritti fin-nota tagħha tas-17 ta’ Ġunju 2011, għandhom jiġu rimborsati;
—
tannulla l-att ikkontestat ukoll fil-parti tiegħu li tirrigwarda t-tielet rata ta’ pagament li ma tħallsitx;
—
tapplika tpaċċija bejn l-ammonti eventwalment rimborsabbli u dawk li qatt ma tħallsu għat-tielet rata ta’ pagament, li baqgħu mhux imħallsa għall-aħħar ħames snin;
—
tiddeċiedi li r-rikors preżenti jammonta għal fatt li jitterrompi l-preskrizzjoni tad-dritt għall-ħlas tat-tielet rata ta’ pagament;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kontenuta fin-nota ta’ debitu Nru 3241109207 tad-9 ta’ Settembru 2011 u li tirrigwarda l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-programm ta’ riċerka Nru 510743 “WARD IN HAND”.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti:
—
abbuż ta’ poter tal-Kummissjoni Ewropea, sa fejn din assimilat b’mod fittizju fuq livell ġuridiku l-fatt tan-nuqqas ta’ għoti tal-karti tal-ħin man-nuqqas ta’ konsenja ta’ affarijiet li kellhom jingħataw, li tammonta għal imġieba li tikser il-kuntratt;
—
nuqqas ta’ motivazzjoni tan-nota ta’ debitu kkontestata u ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li skont dan, att li jikkawża preġudizzju għandu jindika l-motivazzjoni tiegħu fit-test tiegħu, sabiex ikun jista’ jsir stħarriġ tal-legalità, peress li n-nota ta’ debitu ma tinkludi ebda motivazzjoni;
—
nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-provi;
—
żball ta’ liġi u ta’ motivazzjoni peress li l-konvenuta ma kkunsidratx l-argumenti fattwali tar-rikorrenti u ċaħdithom b’mod abbużiv u mingħajr motivazzjoni;
—
ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi peress li l-konvenuta ma ħallsitx lir-rikorrenti, b’mod abbużiv, l-aħħar rata ta’ pagament tal-programm u ġabet fix-xejn ix-xogħol kollu tagħha ta’ riċerka, ħames snin wara l-għeluq tal-programm.
Full & Egal Universal Law Academy