10.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 73/28
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2011 — Technion — Israel Institute of Technology u Technion Research & Development vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-657/11)
2012/C 73/56
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Technion — Israel Institute of Technology (Haïfa, Iżrael) u Technion Research & Development Foundation Ltd (Haïfa) (rappreżentanti: D. Grisay u D. Piccininno, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tilqa’ dan ir-rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u,
—
prinċipalment, tiddikjara r-rikors fondat u tannulla d-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tas-Soċjetà tal-Informazzjoni u tal-Midja tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ Ottubru 2011;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
(1)
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti, sa fejn l-ordni ta’ rkupru tad-19 ta’ Ottubru 2011 kienet ibbażata esklużivament fuq elementi, jiġifieri rapport ta’ verifika u deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara bħala ineliġibbli ċerti spejjeż skont il-konklużjonijiet tal-imsemmija verifika finanzjarja li tirrigwarda l-eżekuzzjoni b’mod partikolari tal-kuntratt MOSAICA, ikkontestati fir-rigward tal-motivazzjoni u l-fondatezza tagħhom fil-kuntest tal-Kawża T-546/11, Technion — Israel Institute of Technology u Technion Research & Development vs Il-Kummissjoni (1).
(2)
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju kontra l-arrikkiment indebitu. Ir-rikorrenti jsostnu li:
—
il-Kummissjoni tkun qiegħda tieħu l-benefiċċji tas-servizzi relatati mal-kuntratt u r-riżultati tar-riċerka mwettqa mingħajr ma tkun ħallset għalihom jekk hija tirkupra l-ammont mitlub li jkopri s-servizzi kollha mwettqa permezz ta’ TECHNION, M. K., għall-kuntratt MOSAICA;
—
ir-rikorrenti jkollhom dritt jitolbu r-rimbors tal-ispejjeż relatati mas-servizzi mwettqa għall-kuntratt MOSAICA;
—
f’każ ta’ rimbors, ir-rikorrenti mhux biss jiċċaħdu minn ammont li jikkorrispondi għal servizzi effettivament mwettqa, iżda jkollhom jaffaċċjaw ukoll telf addizzjonali peress li huma jkollhom, minbarra li jirrimborsaw, ibatu l-ispejjeż sostnuti sabiex iwettqu s-servizzi pprovduti.
(1) ĠU 2011, C 355, p. 28.
Full & Egal Universal Law Academy