3.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 225/24
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal administratif — il-Lussumburgu) — Elodie Giersch, Benjamin Marco Stemper, Julien Taminiaux, Xavier Renaud Hodin, Joëlle Hodin vs État du Grand-Duché de Luxembourg
(Kawża C-20/12) (1)
(Moviment liberu tal-persuni - Ugwaljanza fit-trattament - Vantaġġi soċjali - Regolament (KEE) Nru 1612/68 - Artikolu 7(2) - Għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla - Rekwiżit ta’ residenza fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna - Għajnuna rrifjutata lil studenti, ċittadini tal-Unjoni li ma jirrisjedux fl-Istat Membru kkonċernat, li missierhom jew ommhom, ħaddiema transkonfinali, jaħdmu fl-imsemmi Stat Membru - Diskriminazzjoni indiretta - Ġustifikazzjoni - Għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla - Natura xierqa - Proporzjonalità)
2013/C 225/39
Lingwa tal-kawża: Franċiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal administratif
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Elodie Giersch, Benjamin Marco Stemper, Julien Taminiaux, Xavier Renaud Hodin, Joëlle Hodin
Konvenut: État du Grand-duché de Luxembourg
Fil-preżenza ta’: Didier Taminiaux
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunal administratif (il-Lussemburgu) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15) — Ammissibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għotija ta’ għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla għal kundizzjoni ta’ residenza li tapplika kemm għall-istudenti nazzjonali kif ukoll għall-istudenti ċittadini ta’ Stat Membru ieħor — Vantaġġ soċjali fis-sens tarRegolament iċċitat iktar ’il fuq — Differenza fit-trattament bejn it-tfal ta’ ħaddiema ċittadini tal-Istat Membru u t-tfal ta’ ħaddiema migranti — Ġustifikazzjonijiet
Dispożittiv
L-Artikolu 7(2) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal edukazzjoni ogħla għal rekwiżit ta’ residenza tal-istudent f’dak l-Istat Membru u li tistabbilixxi differenza fit-trattament, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, bejn il-persuni residenti fl-Istat Membru kkonċernat u dawk li, mingħajr ma jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, huma wlied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fl-imsemmi Stat Membru.
Għalkemm l-għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-ekonomija tal-istess Stat Membru jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika tali differenza fit-trattament u għalkemm rekwiżit ta’ residenza, bħal dak previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa xieraq sabiex jiġi żgurat li l-imsemmi għan jintlaħaq, madankollu tali rekwiżit imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex minnu jintlaħaq, sa fejn dan jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ rabta tal-applikant, għall-imsemmija għajnuna finanzjarja, mas-soċjetà u mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru kkonċernat, bħal fatt li wieħed mill-ġenituri, li jkompli jipprovdi għall-manteniment tal-istudent, huwa ħaddiem transkonfinali, li għandu impjieg fit-tul f’dan l-Istat Membru u diġà ħadem f’dan tal-aħħar għal perijodu sinjifikattiv.
(1) ĠU C 98, 31.3.2012
Full & Egal Universal Law Academy