31.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 252/12
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour constitutionnelle — il-Belġju) — Fédération des maisons de repos privées de Belgique (Femarbel) ASBL vs Commission communautaire commune de Bruxelles-Capitale
(Kawża C-57/12) (1)
(Direttiva 2006/123/KE - Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae - Servizzi ta’ kura tas-saħħa - Servizzi soċjali - Ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl li jipprovdu għajnuna u kura lill-persuni anzjani)
2013/C 252/19
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Cour constitutionnelle
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Fédération des maisons de repos privées de Belgique (Femarbel) ASBL
Konvenuta: Commission communautaire commune de Bruxelles-Capitale
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Cour constitutionnelle — Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(f) u (j) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36) — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Servizzi ta’ kura tas-saħħa — Servizzi soċjali — Inklużjoni taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum li jipprovdu għajnuna u kura xierqa għat-telf ta’ awtonomija tal-persuni anzjani — Inklużjoni taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl li jipprovdu għajnuna u kura tas-saħħa li ma jistgħux jiġu ggarantiti lill-persuni anzjani minn qrabathom b’mod kontinwu
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-esklużjoni tas-servizzi ta’ kura tas-saħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tkopri kull attività intiża għall-evalwazzjoni, għaż-żamma u għar-riabilitazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-pazjenti, sakemm din l-attività tkun eżerċitata minn professjonisti rikonoxxuti bħala tali skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, u dan indipendentement mill-organizzazzjoni, mill-mezzi ta’ finanzjament u min-natura pubblika jew privata tal-istabbiliment fejn tingħata l-kura. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet imwettqa minn professjonisti tas-saħħa f’dawn l-istabbilimenti u tal-fatt li dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu parti prinċipali tas-servizzi offruti minn dawn iċ-ċentri, humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
(2)
L-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-esklużjoni tas-servizzi soċjali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tkopri l-attivitajiet kollha relatati, b’mod partikolari, mal-għajnuna u mal-assistenza lill-persuni anzjani, sakemm dawn jingħataw minn fornitur privat li ngħata mandat mill-Istat permezz ta’ att li jagħti b’mod ċar u trasparenti l-obbligu veru u proprju li jiżgura, b’osservanza ta’ ċerti rekwiżiti speċifiċi ta’ eżerċizzju, tali servizzi. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, abbażi tan-natura tal-attivitajiet ta’ għajnuna u ta’ assistenza lill-persuni anzjani mwettqa prinċipalment f’dawn iċ-ċentri kif ukoll skont l-istatut tagħhom kif jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Belġjana applikabbli, humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
(1) ĠU C 118, 21.04.2012.
Full & Egal Universal Law Academy