22.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 52/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Dioikitiko Protodikeio Serron — il-Greċja) — Ioannis Christodoulou, Nikolaos Christodoulou, Afoi N. Christodoulou AE vs Elliniko Dimosio
(Kawża C-116/12) (1)
(Valur għal skopijiet doganali - Merkanzija esportata lejn pajjiż terz - Ħlas lura fuq l-esportazzjoni - Ipproċessar fil-pajjiż ta’ esportazzjoni kkunsidrat bħala mhux sostanzjali - Esportazzjoni mill-ġdid tal-merkanzija lejn it-territorju tal-Unjoni Ewropea - Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali - Valur tat-tranżazzjoni)
2014/C 52/12
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Dioikitiko Protodikeio Serron
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Ioannis Christodoulou, Nikolaos Christodoulou, Afoi N. Christodoulou AE
Konvenut: Elliniko Dimosio
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Dioikitiko Protodikeio Serron — Interpretazzjoni tal-Artikoli 24, 29, 32 u 146 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) — Valur doganali — Valur tat-tranżazzjoni — Determinazzjoni — Merkanzija esportata li tkun ġiet issuġġettata għal ħidma jew ipproċessar fil-pajjiż ta’ esportazzjoni li tkun insuffiċjenti sabiex tiġi kkunsidrata li toriġina mill-pajjiż tal-aħħar ipproċessar fis-sens tal-Artikolu 24 tar-regolament u mingħajr ma tkun ġiet suġġetta għall-proċedura ta’ ipproċessar passiv bil-għan li tiġi importata mill-ġdid fil-pajjiż tal-esportazzjoni inizjali
Dispożittiv
(1)
L-Artikoli 29 u 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata abbażi ta’ kuntratt li, għalkemm huwa kklassifikat bħala kuntratt ta’ bejgħ, fir-realtà jirriżulta li huwa kuntratt ta’ ħidma jew ta’ pproċessar. Fil-kuntest ta’ din id-determinazzjoni, huwa irrilevanti li jsir magħruf jekk l-operazzjonijiet ta’ ħidma jew ta’ pproċessar jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament sabiex il-merkanzija kkonċernata titqies li hija toriġina mill-pajjiż li fih seħħew dawn l-operazzjonijiet.
(2)
L-Artikoli 29 u 32 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fid-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni li merkanzija bbenefikat minnu u li nkiseb permezz tal-implementazzjoni ta’ prattika li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bil-għan li jinkiseb abbużivament vantaġġ minn dawn id-dispożizzjonijiet.
(1) ĠU C 138, 12.05.2012
Full & Egal Universal Law Academy