3.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 225/29
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-8 ta’ Mejju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad — Varna — il-Bulgarija) — Hristomir Marinov, li qiegħed jaġixxi f’isem Lampatov — H — Hristomir Marinov vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite
(Kawża C-142/12) (1)
(Taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Artikoli 18(ċ), 74 u 80 - Waqfien tal-attività ekonomika taxxabbli - Tħassir tal-persuna taxxabbli mir-reġistru tal-VAT mill-awtorità tat-taxxa - Żamma ta’ oġġetti li tat lok għat-tnaqqis tal-VAT - Valur taxxabbli - Valur tas-suq miftuħ jew valur tax-xiri - Stabbiliment fil-mument tat-tranżazzjoni - Effett dirett tal-Artikolu 74)
2013/C 225/47
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad — Varna
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Hristomir Marinov, li qiegħed jaġixxi f’isem Lampatov — H — Hristomir Marinov
Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Administrativen sad — Varna — Interpretazzjoni tal-Artikoli 18(ċ), 74 u 80 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) — Tranżazzjonijiet assimilati ma’ kunsinna ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas — Waqfien tal-attività ekonomika taxxabbli ta’ persuna taxxabbli dovut għall-fatt li, minħabba tħassir mir-reġistru tal-persuni suġġetti għall-VAT, il-persuna taxxabbli hija mċaħħda mill-possibbiltà li tiffattura u tnaqqas il-VAT — Metodu ta’ determinazzjoni tal-bażi ta’ stima tat-taxxa għall-elementi ta’ attiv eżistenti fil-mument tat-tħassir
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 18(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-waqfien tal-attività ekonomika taxxabbli li jirriżulta mit-tħassir tal-persuna taxxabbli mir-reġistru tat-taxxa fuq il-valur miżjud.
(2)
L-Artikolu 74 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ waqfien tal-attività ekonomika taxxabbli, il-valur taxxabbli tat-tranżazzjoni huwa l-valur tas-suq miftuħ tal-oġġetti eżistenti fid-data ta’ dan il-waqfien, sakemm dan il-valur ma jikkorrispondix fil-prattika għall-valur residwu ta’ dawn l-oġġetti fl-imsemmija data u sakemm b’hekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-bidla fil-valur ta’ dawn l-oġġetti bejn id-data tal-akkwist tagħhom u dik tal-waqfien tal-attività ekonomika taxxabbli.
(3)
L-Artikolu 74 tad-Direttiva 2006/112 għandu effett dirett.
(1) ĠU C 151, 26.5.2012.
Full & Egal Universal Law Academy