7.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/14
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Lulju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hovrätten för Nedre Norrland — l-Isvezja) — ÖFAB, Östergötlands Fastigheter AB vs Frank Koot, Evergreen Investments AB
(Kawża C-147/12) (1)
(Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Qorti li għandha ġurisdizzjoni - Ġurisdizzjoni speċjali “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt (f’materji kuntrattwali)” u “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt (f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt)”)
2013/C 260/23
Lingwa tal-kawża: l-Isvediż
Qorti tar-rinviju
Hovrätten för Nedre Norrland
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: ÖFAB, Östergötlands Fastigheter AB
Konvenuti: Frank Koot, Evergreen Investments AB
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hovrätten för Nedre Norrland Sundsvall — Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) — Inklużjoni jew le fil-ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali jew fil-qasam tat-tort, delitt jew kważi delitt tal-kawżi kollha li jirrigwardaw kumpens — Proċedura ġudizzjarja mibdija fi Stat Membru A kontra persuna fiżika ddomiċiljata fi Stat Membru B u li kienet membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru B u li kellha l-maġġoranza tal-ishma fil-kumpannija li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru A — Azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà ta’ membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata għad-djun ta’ din tal-aħħar li jirriżultaw mill-assenza li jittieħdu azzjonijiet formali mill-membru tal-bord tad-diretturi għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpannija — Azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tal-proprjetarju ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata għal att imwettaq minn ħaddieħor fil-każ li l-kumpannija tkompli teżerċita l-attivitajiet tagħha minkejja li ma għandhiex fondi suffiċjenti u minkejja l-obbligu legali li din tiġi llikwidata
Dispożittiv
(1)
Il-kunċett ta’ “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt [f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt]”, li jinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jinftiehem fis-sens li jkopri azzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppreżentati minn kreditur ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata intiżi biex jinżammu responsabbli għad-djun ta’ din il-kumpannija, minn naħa, membru tal-bord tad-diretturi tal-imsemmija kumpannija u, min-naħa l-oħra, azzjonist ta’ din tal-aħħar, peress li huma ppermettew lill-imsemmija kumpannija li tkompli tiffunzjona minkejja li din ma kellhiex kapital biżżejjed u kellha tkun fi stralċ.
(2)
Il-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li jinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ azzjonijiet intiżi biex membru tal-bord tad-diretturi kif ukoll azzjonist ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata jinżammu responsabbli għad-djun ta’ din il-kumpannija, l-imsemmi post jinsab fil-post li miegħu huma marbuta l-attivitajiet imwettqa mill-imsemmija kumpannija kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja marbuta ma’ dawn l-attivitajiet.
(3)
Il-fatt li l-kreditu inkwistjoni kien ġie ttrasferit mill-kreditur inizjali lil ħaddieħor, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.
(1) ĠU C 151, 26.05.2012
Full & Egal Universal Law Academy