29.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 93/4
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Frar 2014 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija
(Kawża C-152/12) (1)
(Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Trasport - Direttiva 2001/14/KE - Żvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Unjoni - Tariffar tal-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja - Artikoli 7(3) u 8(1) - Possibbiltà li tiġi rċevuta żieda fid-dħul - Spejjeż direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju)
2014/C 93/06
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Vasileva u H. Støvlbæk, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Bulgarija (rappreżentanti: T. Ivanov kif ukoll minn D. Drambozova u E. Petranova, aġenti)
Parti intervenjenti insostenn tal-konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentanti: B. Majczyna u M. Szpunar, aġenti)
Suġġett
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tal-Artikoli 7(3) u 8(1) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404) — Sistema ta’ tariffar tal-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja — Kunċett ta’ “spiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija” [spiża direttament imputabbli fuq l-operat tas-servizz ferrovjarju] — Piżijiet li jeċċedu l-ispejjeż direttament imputabbli fuq l-operat tas-servizz ferrovjarju — Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14/KE
Dispożittiv
(1)
Billi ppermettiet li jiġu inklużi spejjeż fil-kalkolu tad-dħul irċevut għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess min-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi, jiġifieri r-remunerazzjonijiet tal-persunal u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, li ma jistgħux jitqiesu bħala direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà, kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007.
(2)
Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
(3)
Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
(1) ĠU C 174, 16.06.2012.
Full & Egal Universal Law Academy