3.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 225/30
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Naczelny Sąd Administracyjny — Il-Polonja) — Minister Finansów vs RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland Sp. z o.o.
(Kawża C-155/12) (1)
(VAT - Direttiva 2006/112/KE - Artikoli 44 u 47 - Post fejn it-tranżazzjonijiet taxxabbli huma meqjusa li ġew ipprovduti - Post ta’ tassazzjoni - Kunċett ta’ “il-post tal-forniment tas-servizzi relatati mal-proprjetà immobbli” - Servizz transkonfinali kumpless ta’ ħażna ta’ merkanziji)
2013/C 225/50
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Qorti tar-rinviju
Naczelny Sąd Administracyjny
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Minister Finansów
Konvenuta: RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland Sp. z o.o.
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Naczelny Sad Administracyjny — Interpretazzjoni tal-Artikoli 44 u 47 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif emendata — Determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni — Kunċett ta’ provvista ta’ servizzi marbuta ma’ beni immobbli — Servizz transkonfinali kumpless ta’ ħażna ta’ merkanzija, provvista lil partijiet kontraenti li għandhom is-sede tagħhom fi Stati Membri oħra jew Stati terzi, u li jinkludu r-riċezzjoni ta’ merkanzija fl-imħażen fil-Polonja, l-organizzazzjoni tagħhom, il-ħażna tagħhom, it-tagħbija u l-ħatt tagħhom, l-ippakkjar mill-ġdid u l-ispedizzjoni mill-ġdid tagħhom lill-klijent
Dispożittiv
L-Artikolu 47 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE, tat-12 ta’ Frar 2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizz kumpless ta’ ħażna, li tikkonsisti fit-teħid ta’ responsabbiltà tal-merkanziji fil-maħżen, it-tqegħid tal-merkanziji fl-ixkafef ta’ ħażna xierqa, il-ħażna tal-merkanziji, l-ippakkjar tal-merkanziji, il-ħruġ tal-merkanziji, il-ħatt tal-merkanziji u t-tagħbija tal-merkanziji, taqa’ taħt dan l-artikolu biss jekk il-ħażna tikkostitwixxi l-provvista prinċipali ta’ tranżazzjoni waħda u jekk il-benefiċjarji ta’ din il-provvista jingħataw dritt ta’ użu totali jew parzjali ta’ beni immobbli espressament iddeterminat.
(1) ĠU C 184, 23.6.2012
Full & Egal Universal Law Academy