14.12.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 367/12
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Hof van Cassatie van België — il-Belġju) — United Antwerp Maritime Agencies (UNAMAR) NV vs Navigation Maritime Bulgare
(Kawża C-184/12) (1)
(Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali - Artikoli 3 u 7(2) - Libertà tal-għażla tal-partijiet - Limiti - Regoli mandatorji - Direttiva 86/653/KEE - Aġenti kummerċjali indipendenti - Kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ xiri ta’ merkanzija - Ksur tal-kuntratt ta’ aġenzija mill-prinċipal - Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni li tipprevedi protezzjoni li tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi tad-direttiva u li tipprevedi wkoll protezzjoni tal-aġenti kummerċjali fil-kuntest tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi)
2013/C 367/19
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hof van Cassatie van België
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: United Antwerp Maritime Agencies (UNAMAR) NV
Konvenut: Navigation Maritime Bulgare
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hof van Cassatie van België — Interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 7(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU C 169, 8.7.2005, p. 10) u tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177) — Libertà ta’ għażla tal-partijiet — Limiti — Kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali — Klawżola li tindika l-liġi tal-Istat tal-prinċipal bħala liġi applikabbli — Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-post ta’ stabbiliment tal-aġent kummerċjali
Dispożittiv
L-Artikoli 3 u 7(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li tkun tissodisfa l-protezzjoni minima preskritta mid-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, magħżula mill-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, tista’ tiġi evitata mill-qorti adita, stabbilita fi Stat Membru ieħor, sabiex minflokha tapplika l-lex fori minħabba raġuni bbażata fuq in-natura imperattiva, fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-aħħar Stat Membru, ta’ regoli li jirregolaw is-sitwazzjoni tal-aġenti kummerċjali indipendenti unikament jekk il-qorti adita tikkonstata b’mod ċirkustanzjat li, fil-kuntest ta’ dik it-traspożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Istat tal-forum ikun qies bħala kruċjali, fi ħdan l-ordinament ġuridiku kkonċernat, li jagħti lill-aġent kummerċjali protezzjoni li tmur lil hinn minn dik prevista mill-imsemmija direttiva, filwaqt li jittieħed kont f’dan ir-rigward tan-natura u tal-iskop ta’ tali dispożizzjonijiet imperattivi.
(1) ĠU C 200, 07.07.2012.
Full & Egal Universal Law Academy