23.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 344/30
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-26 ta’ Settembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad — Varna — il-Bulgarija) — Serebryannay vek EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite
(Kawża C-283/12) (1)
(VAT - Direttiva 2006/112/KE - Artikoli 2(1)(ċ), 26, 62 u 63 - Avveniment li jagħti lok għal ħlas - Servizzi reċiproċi - Tranżazzjonijiet bi ħlas - Valur taxxabbli ta’ tranżazzjoni fil-każ ta’ korrispettiv ikkostitwit minn servizzi - Għoti minn persuna fiżika lil kumpannija tad-dritt li tuża u li tikri lil terzi proprjetajiet immobbli inkambju għal servizzi ta’ titjib u ta’ tqegħid ta’ għamara f’dawn il-proprjetajiet minn din il-kumpannija)
2013/C 344/52
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad — Varna
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Serebryannay vek EOOD
Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Administrativen sad — Varna — Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ), tal-Artikolu 26 kif ukoll tal-Artikoli 62 u 63 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) — Leġiżlazzjoni li tipprovdi li f’każ ta’ remunerazzjoni mhux pekunjarja tal-fornitur, il-korrispettiv għas-servizz tiegħu isir b’servizz ieħor — Kwalifika ta’ tranżazzjoni bħala skambju ta’ servizzi jew le — F’każ ta’ risposta negattiva, possibbiltà li t-titjib ta’ proprjetà immobbli u t-tqegħid ta’ għamara fiha jiġu kkwalifikati bħala tranżazzjoni taxxabbli — Avveniment tal-fatt li jagħti lok għall-ħlas tat-taxxa u regola għad-determinazzjoni tal-valur taxxabbli
Dispożittiv
L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li provvista ta’ servizzi ta’ arranġament mill-ġdid u ta’ tqegħid ta’ għamara f’appartament għandha titqies bħala li twettqet bi ħlas meta, permezz ta’ kuntratt konkluż mal-proprjetarju ta’ dan l-appartament, il-fornitur tal-imsemmija servizzi, minn naħa, jimpenja ruħu li jwettaq din il-provvista ta’ servizzi bi spejjeż tiegħu u, min-naħa l-oħra, jikseb id-dritt li jiddisponi mill-imsemmi appartament sabiex jużah għall-attività ekonomika tiegħu matul it-tul ta’ dan il-kuntratt, mingħajr ma jkun obbligat iħallas kera, filwaqt li l-proprjetarju jieħu lura l-appartament attrezzat fit-tmiem tal-imsemmi kuntratt.
(1) ĠU C 243, 11.8.2012
Full & Egal Universal Law Academy