23.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 344/32
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État — Franza) — Confédération paysanne vs Ministre de l’alimentation, de l’agriculture et de la pêche
(Kawża C-298/12) (1)
(Agrikoltura - Politika Agrikola Komuni - Skema ta’ pagament uniku - Regolament (KE) Nru 1782/2003 - Kalkolu tad-drittijiet għall-pagament - Iffissar tal-ammont ta’ referenza - Perijodu ta’ referenza - Artikolu 40(1), (2) u (5) - Ċirkustanzi eċċezzjonali - Bdiewa suġġetti għal impenji agri-ambjentali skont ir-Regolament (KEE) Nru 2078/92 u r-Regolament (KE) Nru 1257/1999 - Determinazzjoni tad-dritt ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-ammont ta’ referenza - Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi - Ugwaljanza fit-trattament bejn il-bdiewa)
2013/C 344/54
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Confédération paysanne
Konvenuta: Ministre de l’alimentation, de l’agriculture et de la pêche
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Conseil d’État (Franza) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 40(1), (2) u (5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269) — Skema ta’ appoġġ għad-dħul għall-bdiewa — Skema ta’ pagament wieħed — Iffissar tal-ammont ta’ referenza — Perijodu ta’ referenza — Impatt tal-obbligi agri-ambjentali — Kalkolu tad-dritt għal evalwazzjoni mill-ġdid ibbażat mhux fuq it-tnaqqis fil-produzzjoni, iżda fuq l-ammont ta’ għajnuna riċevuta matul perijodu ta’ referenza — Skadenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligi agri-ambjentali — Ugwaljanza fit-trattament bejn il-bdiewa
Dispożittiv
(1)
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1009/2008, tad-9 ta’ Ottubru 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li kull bidwi, minħabba s-sempliċi fatt li ġie suġġett, matul il-perijodu ta’ referenza, għal impenji agri-ambjentali abbażi tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92, tat-30 ta’ Ġunju 1992, dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent u taż-żamma tal-kampanja fi stat tajjeb u (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/2004, tat-22 ta’ Diċembru 2004, jista’ jitolb li l-ammont ta’ referenza tiegħu jiġi kkalkolat abbażi tas-sena jew tas-snin kalendarji tal-perijodu ta’ referenza li ma kinux suġġetti għal tali impenji.
(2)
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(5) tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 1009/2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li kull bidwi, minħabba s-sempliċi fatt li ġie suġġett, matul il-perijodu 1997-2002, għal impenji agri-ambjentali abbażi tar-Regolamenti Nru 2078/92 u Nru 1257/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2223/2004, jista’ jitolb li l-ammont ta’ referenza tiegħu jiġi kkalkolat abbażi ta’ kriterji oġġettivi u b’tali mod li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-bdiewa u li jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
(1) ĠU C 273, 8.9.2012.
Full & Egal Universal Law Academy