23.11.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 344/34
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Ottubru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal- Østre Landsret — Id-Danimarka) — Ministeriet for Forskning, Innovation og Videregående Uddannelser vs Manova A/S
(Kawża C-336/12) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2004/18/KE - Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament - Proċedura ristretta - Avviż ta’ kuntratt - Rekwiżit li l-aħħar karta tal-bilanċ ippubblikata tiġi inkluża fl-applikazzjoni - Assenza ta’ din il-karta tal-bilanċ fl-applikazzjoni ta’ ċerti applikanti - Possibbiltà għall-awtorità kontraenti li titlob lil dawn l-applikanti jikkomunikawlha l-imsemmija karta tal-bilanċ wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet)
2013/C 344/59
Lingwa tal-kawża: id-Daniz
Qorti tar-rinviju
Østre Landsret
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Ministeriet for Forskning, Innovation og Videregående Uddannelser
Konvenuta: Manova A/S
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Østre Landsret — Interpretazzjoni tal-Anness II B tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) — Prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament — Awtorità kontraenti li ffissat bħala kundizzjoni għall-preselezzjoni li l-applikant jikkomunika l-aħħar karta tal-bilanċ tiegħu — Talba tal-awtorità kontraenti indirizzata lil applikanti li ma ehmżux l-aħħar karta tal-bilanċ tagħhom mal-applikazzjoni għall-preselezzjoni tagħhom, sabiex jipprovdu l-karti tal-bilanċ nieqsa minkejja l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-preselezzjoni
Dispożittiv
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, awtorità kontraenti titlob lil applikant jikkomunikalha dokumenti li jiddeskrivu s-sitwazzjoni ta’ dan l-applikant, bħalma hija l-karta tal-bilanċ ippubblikata, li l-eżistenza tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tista’ tiġi vverifikata oġġettivament sakemm id-dokumenti tal-imsemmi kuntratt ma kinux jimponu espliċitament li fil-każ li ma jiġux ikkomunikati l-applikazzjoni tiġi eskluża. Tali talba ma għandhiex tivvantaġġja jew tiżvantaġġja indebitament lill-applikant jew lill-applikanti li lilu jew lilhom tkun intbagħtet l-imsemmija talba.
(1) ĠU C 287, 22.9.2012.
Full & Egal Universal Law Academy