29.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 93/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-23 ta’ Jannar 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale di Milano — l-Italja) — Nintendo Co. Ltd et vs PC Box Srl, 9Net Srl
(Kawża C-355/12) (1)
(Direttiva 2001/29/KE - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni - Kunċett ta’ “miżuri teknoloġiċi” - Tagħmir ta’ protezzjoni - Apparat u prodotti kumplimentari protetti - Tagħmir, prodotti jew komponenti kumplimentari simili li joriġinaw minn impriżi oħra - Esklużjoni ta’ kull interoperabbiltà bejniethom - Portata ta’ dawn il-miżuri teknoloġiċi - Rilevanza)
2014/C 93/12
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale di Milano
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Nintendo Co. Ltd, Nintendo of America Inc., Nintendo of Europe GmbH
Konvenuta: PC Box Srl, 9Net Srl
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunale ordinario di Milano — Interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), moqri flimkien mal-premessa 48 tal-istess direttiva — Kunċett ta’ “miżuri teknoloġiċi” — Tagħmir ta’ protezzjoni li jeskludi kull interoperabbiltà bejn, minn naħa, l-apparat u l-prodotti kumplimentari protetti u, min-naħa l-oħra, l-apparat u prodotti kumplimentari simili li ma humiex ġejjin mill-impriża li timmanifattura jew minn impriżi awtorizzati minn din tal-aħħar — Rilevanza tal-użu partikolari assenjat, mill-impriża li timmanifattura, lil dawn il-miżuri teknoloġiċi
Dispożittiv
(1)
Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “miżuri teknoloġiċi effettivi”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, jista’ jkopri miżuri teknoloġiċi li jikkonsistu, prinċipalment, fl-introduzzjoni ta’ tagħmir ta’ rikonoxximent mhux biss fl-apparat li jkun fih ix-xogħol protett, bħal-logħob elettroniku, bil-għan li dan jiġi protett kontra atti mhux awtorizzati mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, iżda wkoll fl-apparati li jinġarru jew il-consoles maħsuba sabiex jiżguraw l-aċċess għal dan il-logħob u l-użu tiegħu.
(2)
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk miżuri oħra jew miżuri li ma humiex installati fuq il-consoles jistgħux jikkawżaw inqas interferenzi mal-attivitajiet ta’ terzi jew limitazzjonijiet ta’ dawn l-attivitajiet, u dan filwaqt li jipprovdu protezzjoni paragunabbli għad-drittijiet tal-proprjetarju. Għal dan il-għan, huwa rilevanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż marbuta mad-diversi tipi ta’ miżuri teknoloġiċi, l-aspetti tekniċi u prattiċi tal-implementazzjoni tagħhom kif ukoll il-paragun tal-effettività ta’ dawn id-diversi tipi ta’ miżuri teknoloġiċi fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju, filwaqt li ma huwiex meħtieġ, madankollu, li tali effettività tkun assoluta. Hija wkoll l-imsemmija qorti li għandha teżamina l-għan tat-tagħmir, tal-prodotti jew tal-komponenti li jistgħu jevitaw l-imsemmija miżuri teknoloġiċi. F’dan ir-rigward, il-prova tal-użu li t-terzi fil-fatt jagħmlu minnhom għandha tkun, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, partikolarment rilevanti. Il-qorti nazzjonali tista’, b’mod partikolari, teżamina l-frekwenza li biha dan it-tagħmir, prodotti jew komponenti huma fil-fatt użati bi ksur tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll il-frekwenza li biha huma użati għal skopijiet li ma jiksrux dawn id-drittijiet.
(1) ĠU C 295, 29.09.2012
Full & Egal Universal Law Academy