22.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 52/16
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale di Napoli — l-Italja) — Carmela Carratù vs Poste Italiane SpA
(Kawża C-361/12) (1)
(Politika soċjali - Direttiva 1999/70/KE - Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat - Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni - Kunċett ta’ “kondizzjonijiet tal-impjieg” - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sistema ta’ kumpens fil-każ ta’ ffissar illeċitu ta’ terminu lill-kuntratt ta’ xogħol differenti minn dak applikabbli għat-terminazzjoni illeċita ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat)
2014/C 52/25
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale di Napoli
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Carmela Carratù
Konvenuta: Poste Italiane SpA
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunale di Napoli — Interpretazzjoni tal-klawżola 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol — Applikabbiltà orizzontali ta’ din id-direttiva — Kunċett ta’ organu Statali — Interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikolu 6 tal-KEDB — Prinċipju ta’ ekwivalenza — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, fil-każ ta’ ffissar illegali ta’ terminu tal-kuntratt ta’ xogħol, kumpens globali għall-perijodu inkluż bejn l-interruzzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol u r-reintegrazzjoni fil-post tax-xogħol, limitat għal somma bejn 2.5 u 12-il ħlas mensili tal-aħħar remunerazzjoni globali reali — Kumpens li huwa inqas kemm mill-kumpens previst mis-sistema komuni tad-dritt ċivili fil-każ ta’ rifjut mhux ġustifikat li jiġi aċċettat benefiċċju kif ukoll minn dak previst fil-każ ta’ interruzzjoni illegali ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat
Dispożittiv
(1)
Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li din tista’ tiġi invokata direttament kontra entità statali, bħalma hija Poste Italiane SpA.
(2)
Il-klawżola 4(1) tal-istess Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “k[o]ndizzjonijiet [tal-]impjieg” jinkludi l-kumpens li persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem minħabba l-iffissar illeċitu ta’ terminu lill-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.
(3)
Minkejja li l-imsemmi ftehim qafas ma jipprekludix li l-Istati Membri jintroduċu trattament iktar favorevoli minn dak previst minnu għall-ħaddiema għal żmien determinat, il-klawżola 4(1) ta’ dan il-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma timponix li l-kumpens mogħti fil-każ ta’ ffissar illeċitu ta’ terminu lil kuntratt ta’ xogħol u dak imħallas fil-każ ta’ terminazzjoni illeċita ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat jiġu ttrattati b’mod identiku.
(1) ĠU C 295, 29.09.2012.
Full & Egal Universal Law Academy