29.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 93/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-23 ta’ Jannar 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden — il-Pajjiżi l-Baxxi) — X BV vs Staatssecretaris van Financiën
(Kawża C-380/12) (1)
(Intestaturi tariffarji - Trab li jneħħi l-kulur - Kapitolu 25 tan-Nomenklatura Magħquda - Intestatura tariffarja 2508 - Kunċett ta’ “prodotti li nħaslu” - Tneħħija ta’ impuritajiet mingħajr ma tinbidel l-istruttura tal-prodott - Kapitolu 38 tan-Nomenklatura Magħquda - Intestatura tariffarja 802)
2014/C 93/14
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: X BV
Konvenut: Staatssecretaris van Financiën
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hoge Raad der Nederlanden — Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Trab li jneħħi l-kulur — Klassifikazzjoni fis-subintestatura 2508 40 00 jew fis-subintestatura 3802 90 00 tan-Nomenklatura Magħquda — Kunċett ta’ tneħħija tal-impuritajiet fis-sens tan-Nota 1 tal-Kapitolu 25 tan-Nomenklatura Magħquda
Dispożittiv
(1)
Il-kunċett ta’ “tneħħija ta’ impuritajiet” imsemmi fin-Nota 1 tal-Kapitolu 25 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ikopri t-tneħħija ta’ partiċelli kimiċi inklużi fi prodott minerali fi stat mhux raffinat minħabba f’ċirkustanzi naturali, sa fejn din it-tneħħija ttejjeb il-kapaċità tal-prodotti inkwistjoni sabiex jissodisfaw il-funzjoni inerenti għalihom, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
(2)
In-Nota 1 tal-Kapitolu 25 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1549/2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li prodotti li kienu suġġetti għal trattament li jinvolvi l-użu ta’ sustanzi kimiċi u li jwassal għat-tneħħija ta’ impuritajiet jistgħu jiġu kklassifikati fl-intestatura tariffarja 2508 ta’ din in-Nomenklatura Magħquda biss jekk dan it-trattament ma biddilx l-istruttura tas-superfiċji tagħhom, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali.
(1) ĠU C 303, 06.10.2012.
Full & Egal Universal Law Academy