26.5.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 159/4
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ April 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof – il-Ġermanja) – Hi Hotel HCF SARL vs Uwe Spoering
(Kawża C-387/12) (1)
((Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Ġurisdizzjoni internazzjonali f’materji ta’ delitt jew ta’ kważi-delitt - Att imwettaq fi Stat Membru li jikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’att illeċitu mwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor - Determinazzjoni tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż))
2014/C 159/05
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Hi Hotel HCF SARL
Konvenut: Uwe Spoering
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari – Bundesgerichtshof – Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) – Ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam ta’ delitt jew ta’ kważi-delitt – Att imwettaq fl-ewwel Stat Membru li jikkonsisti fl-assistenza għal att illeċitu mwettaq fit-territorju tat-tieni Stat Membru – Determinazzjoni tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż
Dispożittiv
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ pluralità ta’ awturi preżunti ta’ dannu allegat għad-drittijiet ekonomiċi tal-awtur protetti fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti adita, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tiġi stabbilita, abbażi tal-post tal-avveniment kawżali ta’ dan id-dannu, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha dak mill-awturi preżunti mfittex ma aġixxiex, iżda hija tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti skont il-post ta’ materjalizzazzjoni tad-dannu allegat bil-kundizzjoni li hemm riskju li dan id-dannu jimmaterjalizza ruħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. F’dan l-aħħar każ, din il-qorti għandha ġurisdizzjoni unikament rigward id-dannu biss li ġie kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru fejn hija tinsab.
(1) ĠU C 343 10.11.2012.
Full & Egal Universal Law Academy