22.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 85/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Jannar 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Innsbruck — l-Awstrija) — Siegfried Pohl vs ÖBB Infrastruktur AG
(Kawża C-429/12) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol - Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 45 TFUE - Direttiva 2000/78/KE - Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età - Determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet ta’ avvanz fl-iskala tas-salarju - Terminu ta’ preskrizzjoni - Prinċipju ta’ effettività)
2014/C 85/13
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgericht Innsbruck
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Siegfried Pohl
Konvenuta: ÖBB Infrastruktur AG
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Oberlandesgericht Innsbruck — Interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) TUE, tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 45 TFUE kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Perijodu qabel l-adeżjoni — Remunerazzjoni tal-impjegati fis-settur tat-trasport bil-ferrovija — Leġiżlazzjoni nazzjonali u ftehim kollettiv li jeskludu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ attività mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ nofs il-perijodi ta’ attività mwettqa wara li l-impjegat jagħlaq it-18-il sena, ħlief fil-każ ta’ esperjenza professjonali miksuba fi ħdan kumpannija nazzjonali “kważi pubblika” jew fi ħdan il-kumpannija nazzjonali tal-ferroviji — Terminu ta’ preskrizzjoni
Dispożittiv
Id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, li jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġiet stabbilita, jew mill-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, id-dritt għal impjegat li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tas-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ din id-data ta’ referenza.
(1) ĠU C 9, 12.01.2013
Full & Egal Universal Law Academy