5.5.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 135/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Østre Landsret – id-Danimarka) – ATP Pension Service A/S vs Skatteministeriet
(Kawża C-464/12) (1)
((Sitt Direttiva tal-VAT - Eżenzjonijiet - Artikolu 13B(d)(3) u (6) - Fondi speċjali ta’ investiment - Skemi ta’ pensjonijiet tal-irtirar okkupazzjonali - Amministrazzjoni - Tranżazzjonijiet li jikkonċernaw depożiti, kontijiet kurrenti, pagamenti u trasferimenti))
2014/C 135/08
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Østre Landsret
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: ATP Pension Service A/S
Konvenut: Skatteministeriet
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari – Østre Landsret – Interpretazzjoni tal-Artikolu 13(B)(d)(3) u (6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1997, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.) – Eżenzjonijiet favur tranżazzjonijiet li jikkonċernaw depożiti jew kontijiet kurrenti u favur l-amministrazzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment – Provvista ta’ servizzi relatati mal-ħlasijiet ta’ fondi lil fond ta’ rtirar
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni fondi ta’ irtirar, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta huma ffinanzjati mill-benefiċjarji tal-pensjonijiet imħallsa, li t-tfaddil huwa investit skont il-prinċipju ta’ tqassim tar-riskji u li r-riskju tal-investimenti jiġi sostnut mill-affiljati. F’dan ir-rigward ma tantx huwa ta’ rilevanza li l-kontribuzzjonijiet huma mħallsa mill-persuna li timpjega, li l-ammont tagħhom jirriżulta minn ftehim kollettivi bejn l-organizzazzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw u s-sindakati, li l-modalitajiet finanzjarji tal-ħlas lura tat-tfaddil huma diversi, li l-kontribuzzjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tnaqqis skont ir-regoli applikabbli għat-taxxa fuq id-dħul jew li huwa possibbli li magħhom jiżdied element ta’ assigurazzjoni anċillari.
2)
L-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva 77/388 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri provvista ta’ servizzi li permezz tagħhom organu jinkorpora d-drittijiet tal-affiljati lejn il-fondi ta’ rtirar permezz tal-ħolqien ta’ kontijiet u l-inklużjoni f’dawn il-kontijiet tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fis-sistema tal-iskemi ta’ pensjonijiet tal-irtirar. Dan il-kunċett ikopri wkoll is-servizzi ta’ kontabbiltà u ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet, bħal dawk li huma inklużi fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), kif emendat bid-Direttivi 2001/107/KE u 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Jannar 2002.
3)
L-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva 77/388 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud prevista minn din id-dispożizzjoni għat-tranżazzjonijiet dwar pagamenti u trasferimenti tapplika għal provvista ta’ servizzi li permezz tagħhom organu jinkorpora d-drittijiet tal-affiljati lejn il-fondi ta’ irtirar permezz tal-ħolqien tal-kontijiet ta’ dawn l-affiljati fis-sistema tal-iskema ta’ pensjonijiet tal-irtirar u l-inklużjoni tal-kontribuzzjonijiet minn dawn l-affiljati fil-kont tagħhom kif ukoll tat-tranżazzjonijiet li huma anċillari għal tali servizzi jew li jikkostitwixxu servizz ekonomiku wieħed.
(1) ĠU C 9, 12.01.2013.
Full & Egal Universal Law Academy